Sport Sport Ieħor

Andy Murray jirbaħ fir-ritorn tiegħu fit-Tazza Davis

Andy Murray għeleb lil Tallon Griekspoor tal-Olanda 6-7, 6-4, 7-6, biex għen lir-Renju Unit jegħleb lill-Olanda fit-Tazza Davis.

Murray kellu bidu ħażin u kien minn taħt 1-4 fl-ewwel set, iżda rkupra tajjeb u sforza t-tie break anki jekk dan intilef mill-Brittaniku.

Fit-tieni u t-tielet set Murray tejjeb ir-rendiment tiegħu u rebaħ dawn is-sets 6-4, 7-6.

Murray kien qed jirritorna jilgħab fit-Tazza Davis wara nuqqas ta’ tliet snin, bl-aħħar logħba tiegħu tkun kontra l-Arġentina fis-semifinali tal-edizzjoni tas-sena 2016.

Fit-tieni singles tal-logħba l-Olanda kisbet il-punt tad-draw meta Robin Haase għeleb lil Daniel Evans 3-6, 7-6, 6-4.

Il-logħba kellha tkun deċiża bil-logħba tad-doubles fejn Jamie Murray u Neal Skupski għelbu lil Wesley Koolhof u Jean-Julien Rojer 6-4, 7-6.

Għall-Olanda din kienet it-tieni telfa u issa huma prattikament eliminati.

Intant f’logħba oħra Novak Djokovic għeleb faċilment lil Yoshihito Nishioka 6-1, 6-2 biex ta t-tieni punt lis-Serbja fuq il-Ġappun.

F’logħba li ntlagħbet ilbieraħ fis-sessjoni ta’ wara nofsinhar, il-Ġermanja għelbet faċilment lill-Arġentina 3-0, b’rebħiet ta’ Philipp Kohlschreiber u Jan-Lennard Struff.