Internazzjonali

Greċja: Miżuri aktar ħorox mar-refuġjati li qed ifittxu kenn politiku

Il-Greċja għandha tagħlaq il-kampijiet iffullati bir-refuġjati fuq il-gżejjer tagħha u twaqqaf minflokhom ċentri li jżommu l-istess refuġjati taħt kundizzjonijiet aktar restrittivi. Il-miżura tindika li l-Greċja, li spiċċat fl-eqqel tal-kriżi tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa, adottat ‘politika aktar ħarxa’ għar-refuġjati li qed jippruvaw għall-kenn politiku.

Il-Gvern konservattiv ġdid tal-Greċja, li għeleb lill-Partit Syriza tax-xellug fl-elezzjoni ta’ Lulju, issa qal li se jissikka l-kontrolli mal-fruntieri tal-pajjiż waqt li ‘jieħu ħsieb l-istaġnar’ fil-proċessi għall-evalwazzjoni tal-barranin li qed ifittxu kenn politiku. L-istaġnar ħalla eluf ta’ immigranti li qegħdin jaħarbu mill-konflitti fi stat ta’ limbu.

Il-kundizzjonijiet diffiċli tal-għajxien għal xi 37,000 refuġjat fil-kampijiet fuq il-ħames Gżejjer Griegi fl-Eġew kienu kundannati diversi drabi mill-gruppi għall-għajnuna. Intant, il-Greċja, fl-aħħar jiem, kellha tiffaċċja mewġa ġdida ta’ immigranti u refuġjati.

Kelliema għall-Gvern f’Ateni, issa, qalu li l-awtoritajiet għandhom iwaqqfu ‘pre-departure centres’ magħluqin, bil-għan li ssir aktar faċli biex huma jikkontrollaw il-movimenti tar-refuġjati li qed ifittxu kenn politiku. Dan bl-iskop li dawn il-barranin ‘ma jkomplux jivvjaġġaw aktar ‘il ġewwa fil-Greċja, mingħajr ma ħadd ikun jaf bil-movimenti tagħhom’.