Ambjent Lokali

Il-Ġordaniżi jheddu l-ambjent storiku tal-Kottonera

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tisħaq li l-ippjanar f’Malta qieghed fil-periklu li jservi dejjem aktar l-interessi tal-ftit

L-applikazzjoni tal-estensjoni tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) mill-Ġordaniżi tal-Grupp Sadeen mhux biss hija ta’ dannu għas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Kottonera u l-patrimonju storiku kulturali, iżda tmur kontra l-qafas tal-ippjanar tal-Pjan Lokali tal-Port il-Kbir.

Saħqet dan il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) fi stqarrija maħruġa t-Tlieta meta kkwotat ukoll x’jgħidu l-Pjani Lokali dwar il-Port il-Kbir, li bini u strutturi ma jistgħux idallmu jew jiddominaw fuq is-swar. F’każ li strutturi “ingumbranti” jaqbżu l-għoli tal-bini preżenti, il-Pjani jisħqu li normalment l-applikazzjonijiet ma jiġux aċċettati għalkemm f’każijiet speċifiċi li huma rari ħafna, dawn jistgħu jiġu aċċettati minħabba bżonn neċessarju ta’ livell prestiġġjuż u kulturali.

Il-Kummissjoni Ambjent temmen li l-proġett propost hu eżempju ċar li l-ippjanar f’Malta qiegħed fil-periklu li jservi dejjem aktar l-interessi tal-ftit, u mhux l-interess pubbliku tal-komunità kollha.

L-applikazzjoni sabiex jittieħdu wħud mill-ftit spazji miftuħa li hemm fil-qalba tal-Kottonera, sabiex jakkomodaw faċilitajiet għall-AUM, hija eżempju ċar ta’ dawn il-perikli.

Meta hemm tant dubji dwar il-ħtieġa u l-utilità ta’ dawn il-faċilitajiet, u meta jidher ċar li mhumiex fl-aħjar interess tal-komunitajiet tal-Kottonera, wieħed jitħasseb mhux ftit dwar lil min sewwasew qed iservi l-ippjanar f’pajjiżna.

Il-KA tesprimi solidarjetà mar-residenti tal-Kottonera li qed isemmgħu leħinhom biex iħarsu l-ambjent tal-inħawi għat-tgawdija kemm tal-ġenerazzjoni tal-lum kif ukoll ta’ dawk futuri, u tappella sabiex jirrenja s-sens komun u l-ġid komuni, filwaqt li tittama li dan il-permess ma jingħatax.