“Malta mhix l-azzjonijiet ta’ ftit persuni qrib tal-poter. Il-Maltin mhux poplu korrot, il-Maltin u l-Għawdxin huma kburin b’pajjiżhom u bil-valuri Ewropej li jsawruna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) f’Żagreb fil-Kroazja.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Dr Delia qal li ried jitkellem dwar it-tibdil tal-klima, l-immigrazzjoni, l-ħolqien tax-xogħol u l-futur tal-Ewropa iżda bl-avvenimenti li seħħew f”Malta matul dawn l-aħħar sigħat, qed tinħass il-ħtieġa li nirrjaffermaw il-valuri Ewropej li jsawruna.
Huwa qal li għaddew 765 ġurnata mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u llum Yorgen Fenech, persuna li hija implikata f’fost l-ikbar skandli f’pajjiżna, ġie arrestat meta ried li jaħrab minn Malta.
Adrian Delia qal li llejla l-Maltin u l-Għawdxin niżlu fit-toroq biex jipprotestaw u jitolbu li isiru jafu l-verità kollha u ssir ġustizzja. Ma jistax ikun li Gvern ta’ pajjiż Ewropew juża is-saħħa elettorali sabiex jgħaddi romblu minn fuq il-poplu u jgħaddi romblu wkoll minn fuq il-valuri, l-garanziji u l-istandards Ewropej li ksibna bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Adrian Delia qal li minkejja l-Gvern, il-Maltin huma kburin b’Malta u jridu li jibqgħu jgħixu f’pajjiż b’valuri Ewropej u b’ħarsien sħiħ tas-saltna tad-dritt. Malta tista’ terġa’ tkun pajjiż Ewropew tal-valuri. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid li meta uliedu jgħidu li huma Maltin, ikunu jistgħu jitkellmu fuq il-karattru sod ta’ pajjiż żgħir iżda b’qalb kbira.
Huwa qal li din hija l-isfida li għandu quddiemu pajjiżna llum. Fit-tmiem tad-diskors, Adrian Delia rringrazzja lil Joseph Daul, Manfred Weber u Donald Tusk, kif ukoll lill-Prim Ministri u Kapijiet tal-Oppożizzjoni membri fil-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-appoġġ u s-solidarjetà mal-Partit Nazzjonalista, s-soċjetà ċivili f’pajjiżna u mal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
//= $special ?>