Lokali

“Il-Prim Ministru irid jgħidilna x’se jagħmel b’Keith Schembri” – Adrian Delia

Il-Kap tal-PN ta struzjonijiet biex kemm jista' jkun malajr iħalli Zagreb biex jirritorna Malta minħabba l-mument delikat li ninsabu fih

F’konferenza tal-aħbarijiet li ta ftit tal-minuti ilu f’Zagreb, fejn qed jattendi l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew, il-Kap tal-PN Adrian Delia insista li wara l-iżviluppi u l-arresti li kellna fl-aħħar sigħat il-Prim Ministru qed jinsa l-interess nazzjonali u qed jabdika mir-responsabbiltajiet tiegħu.

Adrian Delia insista li Muscat irid immedjatament jgħidilna x’se jagħmel b’Keith Schembri.

Il-kummenti tal-Kap tal-PN waslu wara li dalgħodu ġie arrestat in-negozjat Yorgen Fenech, wieħed mid-diretturi tal-Electrogas u sid tal-kumpanija sigrieta 17 Black; kumpanija li għandha rabtiet ċari ma’ Kastilja u partikolarment maċ-Chief of Staff Keith Schembri.

Adrian Delia qal li dan hu mument delikat ħafna u jeħtieġ prudenza. Iżda l-PN se jagħmel dak kollu li hu fl-interess ta’ pajjiżna.

Intant, il-Kap tal-PN ħabbar ukoll li malajr kemm jista’ jkun se jħalli l-kapitali Kroata biex jirritorna Malta f’dan il-mument li sejjaħlu bħala “delikat”.

It-tema tar-rule of law f’Malta u l-aħħar żviluppi minn pajjiżna ddominaw il-laqgħat kollha li kellu Adrian Delia f’Zagreb. Fost l-oħrajn, il-laqgħa li kellu mal-Prim Ministru tal-Kroazja li saqsa dwar in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern ta’ Muscat.

Adrian Delia mal-Prim Ministru tal-Kroazja Andrej Plenkovic