Lokali Unjoni Ewropea

Illum id-diskors ta’ Adrian Delia fil-Kungress tal-PPE

Adrian Delia meta indirizza l-Kungress ta' Helsinki
Il-Kungress tal-PPE b’enfasi diretta fuq l-emerġenza tal-klima

Bejn illum u għada fil-kapitali Kroata Zagreb se jkun qed jitlaqqa’ l-ewwel Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) minn mindu l-istess grupp politiku eleġġa l-akbar ammont ta’ Deputati fil-Parlament Ewropew. Il-Kungress f’Zagreb, li għalih se jattendi wkoll il-Kap tal-PN Adrian Delia, se jkun qed jiddiskuti fost l-oħrajn riżoluzzjoni importanti dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-bidla fil-klima.

Il-Kungress, li se jsir fl-Arena Zagreb ftit ‘il barra miċ-ċentru tal-kapitali, se jkun

okkażjoni perfetta għall-mexxejja Ewropej biex ifasslu l-aġenda tal-UE fejn tidħol it-tema ambjentali, il-bidla fil-klima u s-sostenibbilta’, il-green jobs u l-viżjoni Ewropea li toffri opportunitajiet akbar għaż-żgħażagħ. Fost l-oħrajn, se tkun qed issir diskussjoni dwar il-bidla klimatika bis-sehem tal-Prim Ministru tal-Greċja u t-Taoiseach tal-Irlanda.

L-ewwel sessjoni Plenarja tal-Kungress se tiftaħ illum għall-ħabta tas-2pm. Din is-sessjoni se tkun indirizzata mill-Kap tal-PN Adrian Delia. Fost dawk li se jindirizzaw il-Kungress tal-PPE se jkun hemm il-President il-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, li se tkun l-ewwel mara fit-tmexxija tal-Kummissjoni u li hi ukoll ġejja mill-familja tal-Popolari Ewropej.

Illum ukoll se tkun qed issir il-votazzjoni għall-President tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, bil-Pollakk Donald Tusk, li fl-aħħar snin serva bħala President tal-Kunsill Ewropew, ikun l-uniku isem għal din il-kariga. Għalhekk, hu mistenni jieħu r-riedni tal-grupp f’idejh wara sitt snin ta’ tmexxija mill-Franċiż Joseph Daul.

Zagreb: il-kapitali tal-Kroazja fejn qed isir il-Kungress

L-għada l-Ħamis imbgħad, issir is-sessjoni li fiha jiġu eletti l-Viċi Presidenti tal-PPE, bl-għeluq tal-Kungress isir minn Andrej Plenkovic, Prim Ministru tal-Kroazja.

Il-PPE irid jeleġġi 10 Viċi Presidenti minn fost dawn l-ismijiet: David McAllister (Ġermanja), Helen McEntee (Irlanda), Siegfried Muresan (Rumanija), Averof Neofytou (Ċipru), Petteri Orpo (Fillandja), Franck Proust (Franza), Paulo Rangel (Portugall), Ivan Stefanec (Slovakja), Antonio Tajani (Italja), Esther De Lange (Olanda), Mariya Gabriel (Bulgarija) u Johannes Hahn (Awstirja).

F’Jannar li ġej il-Kroazja se tkun qed tieħu f’idejha għall-ewwel darba l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, u għalhekk il-laqgħat bilaterali li se jkollu Adrian Delia f’Zagreb huma meqjusa bħala sinifikanti ferm biex it-temi li jolqtu lil Malta jinżammu fuq nett tal-aġenda Ewropea.

Id-delegazzjoni tal-PN f’Zagreb se tkun magħmula fost l-oħrajn mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli. Il-Kungress qed ikun ko-ordinat mill-partit HDZ ta’ Plenkovic, li bħalissa hu l-akbar partit fil-Kroazja.