Lokali

Joseph Muscat għadu ma kellimx lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi

Sigħat wara li ħareġ isem Yorgen Fenech bħala s-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li għadu ma tkellimx ma’ Keith Schembri jew Konrad Mizzi, aħseb u ara kemm ħa azzjoni.

Dan minkejja li sena ilu sar magħruf li l-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech, u kumpanija oħra bl-isem ta’ Macbridge li s-sid tagħha ma nafux min hu, kienu se jgħaddu miljuni lill-kumpaniji Tillgate u Hearnville.

Is-sidien ta’ dawn il-kumpaniji huma Keith Schembri, li s’issa għadu ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, u wieħed mill-iktar Ministri b’saħħithom fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi.

Irreżista mill-ġdid  talbiet biex għallinqas Keith Schembri u Konrad Mizzi jirriżenja, għallinqas sakemm inaddfu isimhom.

Fl-istess waqt Joseph Muscat ħarab minn diversi mistoqsijiet oħra, fosthom dwar ta’ min hi l-kumpanija Macbridge.

Ħarab ukoll milli jwieġeb diversi mistoqsijiet oħra li tqajmu fl-aħħar sigħat.

Bħalissa għaddejja wkoll Inkjesta Maġisterjali u pubblika li għandha tistabbilixxi jekk il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia setax jiġi evitat u jekk l-awtoritajiet għamlux dak kollu possibbli biex dan l-omiċidju jiġi evitat.