Lokali Qtil Politiku

“Keith Schembri u Konrad Mizzi ghandhom jisparixxu mmedjatament mix-xena politika” – Moviment Graffiti

Fid-dawl tal-arrest li sar illum tas-CEO ta’ Tumas Group Yorgen Fenech, il-Moviment Graffitti jkompli jisħaq u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom jirriżenjaw u jisparixxu mix-xena politika immedjatament, xi ħaġa li jmissha ilha li saret żmien twil ilu. L-arrest ta’ Yorgen Fenech f’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli juri li l-karigi ta’ dawn iż-żewġ figuri politiċi assolutament m’għadhomx tenibbli.

L-iskandlu li hu involut fih Yorgen Fenech qabel ma llum ġie arrestat jinvolvi b’mod dirett il-privatizzazzjoni tal-enerġija f’Malta u l-ftuħ ta’ kontijiet offshore minn Keith Schembri u Konrad Mizzi. 17 Black, li kien ġie żvelat li s-sid tagħha mhuwa ħadd għajr Yorgen Fenech, kienet kumpanija li ġiet imsemmija fil-Panama Papers bħala kumpanija li kienet se tittrasferixxi fondi f’dawn iż-żewġ kontijiet offshore. Irrispettivament minn jekk, u qabel ma jiġi vverifikat li, dawk kollha li huma implikati huma effettivament ħatja fuq livell kriminali, ma jifdal l-ebda dubju li Kap tal-Istaff tal-Prim Ministru u Ministru ma jistgħux jibqgħu jokkupaw il-karigi preżenti tagħhom waqt li fl-istess ħin huma allegatament konnessi mhux biss ma’ skandlu li jinvolvi l-korruzzjoni, iżda issa wkoll ma’ negozjant li qed jiġi implikat fi qtil.

Jekk Mizzi u Schembri jerġgħu għal darb’oħra jirrifjutaw li jirriżenjaw, ir-rabja tal-poplu tkun waħda kompletament ġustifikata u kulħadd għandu jistaqsi x’hemm wara s-saħħa li Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom fuq Muscat. Għalfejn huma daqshekk indispensabbli? Għalfejn il-Prim Ministru huwa għal darb’oħra lest li jaffaċċja l-pressjoni minn kull direzzjoni, inkluż minn nies fil-Partit Laburista stess, sabiex jipproteġi lil dawn iż-żewġ individwi li l-pożizzjoni tagħhom ilha żmien twil li tilfet kull farka ta’ kredibbiltà?

Ikkummenta