Internazzjonali

L-Awstralja: Jiżdied l-allert dwar in-nirien fi New South Wales u Victoria

Il-kriżi tan-nirien fl-Awstralja mistennija ssir aktar gravi, meta numru ta’ Stati qegħdin jistennew ‘l-agħar kundizzjonijiet’ li jmexxu l-fjammi lejn il-lokalitajiet ġodda fl-eqqel tal-istaġun tas-sħana.

Iż-żieda fit-temperaturi fl-Istat ta’ South Australia, sadanittant, irriżultat f’sensiela ta’ allerts dwar sitwazzjoni ‘katastrofika’ — l-ogħla twissija dwar il-periklu lill-komunitajiet. L-awtoritajiet f’numru ta’ bnadi ta’ Victoria ħarġu din it-twissija għallum waqt li l-livell ta’ periklu min-nirien kien qed jiżdied ukoll għall-Istat ta’ Tasmania.

Mietu talanqas sitt persuni fil-bushfires kbar li ħakmu matul ix-xahar li għadda u li avvanzaw tul diversi partijiet tal-Awstralja.

In-nirien inkontrollabbli, fi New South Wales u Queensland, qerdu ‘il fuq minn 500 dar fost dibattiti dwar l-impatt tan-nixfa attwali ( fl-Awstralja) u l-effetti tal-bidliet fil-klima.

Intant, kien ikkonfermat li l-paramediċi f’Sydney – l-akbar belt tal-Awstralja – kellhom iwieġbu għal għexieren ta’ sejħiet għall-għajnuna mingħand residenti li spiċċaw ibati bi problemi tas-saħħa minħabba d-dħaħen min-nirien, li ffurmaw sħaba kbira fuq il-belt.

In-nirien f’ South Australia, fl-aħħar sigħat, ikkaġunaw twissijiet ta’ emerġenza waqt li t-temperaturi laħħqu mal-45 gradi Celsius f’ċerti bnadi. Is-sħana anki qalbet għall-agħar minħabba l-irwiefen li bdew jonfħu b’veloċità ta’ 90 kilometru fis-siegħa. Dan l-Istat ilu x-xhur ibati min-nixfa rekord u mhix mistennija x-xita fl-inħawi matul ix-xhur li ġejjin.

L-uffiċjali tfew l-elettriku għal madwar 10,000 djar u negozji biex inaqqsu s-sogru tan- nirien ġodda. Dan meta ħafna min-nirien huma relatati mat-tqaċċit tal-arbli u stallazzjonijiet oħra tad-dawl, b’riżultat dirett tal-irwiefen.

L-aħħar rapporti qalu li l-Uffiċjali ta’ Victoria ħarġu ‘code red’ – ekwivalenti għal twissija dwar sitwazzjoni katastrofika – għall-ibnadi fin-naħa ta’ fuq ta’ dan l-Istat. Ħarġet ukoll  direttiva urġenti biex ir-residenti jevakwaw minnufih mill-inħawi.