Lokali

Mara tweġġa’ gravi fl-Isptar Mater Dei

Mara ta’ 58 sena residenti Birżebbuġa sofriet ġrieħi serji kawża ta’ inċident li seħħ matul il-ġurnata tat-Tnejn f’sala tal-operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei.

Minn informazzjoni li għandu Net News jirriżulta li l-professjonisti mediċi kienu qed joperaw lil din il-mara, meta għal xi raġuni waqgħet minn fuq il-medja tal-operazzjoni waqt li kienet taħt l-effett tal-loppju.

Sorsi tagħna qrib l-inċident spjegaw li mal-waqgħa, il-mara sofriet ksur fis-sinsla ta’ darha u kellha tiġi operata b’urġenza. Saħansitra jirriżulta li għandha diversi biċċiet tal-metall f’darha.

Fi stqarrija mill-Gvern it-Tnejn filgħaxija, fi stqarrija mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministeru tas-Saħħa, sar magħruf li dwar dan l-inċident infetħet inkjesta maġisterjali.Il-Gvern ma ta l-ebda dettalji oħra dwar l-inċident, hekk kif l-istqarrija kienet tikkonsisti biss f’żewġ sentenzi waħda. Fid-dawl ta’ dan mhux magħruf x’inhi l-kundizzjoni tagħha jew x’wassal għal dan l-inċident.