L-Erbgħa filgħodu Yorgen Fenech kien abbord jott fejn il-Forzi Armati ta’ Malta interċettaw il-jott tas-sid ta’ 17 Black milli tħalli l-Marina ta’ Portomaso.
Iżda min hu Yorgen Fenech?
Isem Yorgen Fenech ilu jidwi f’pajjiżna u ‘l bogħod minn xtutna. Fenech huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar negozjaturi b’saħħithom f’pajjiżna iżda li preżentament jinsab arrestat, b’rapporti fil-midja qed jindikaw li r-raġel akkużat bħala l-intermedjarju indika lil Fenech bħala l-mandant.
Yorgen Fenech, iben in-negozjant George Fenech, huwa involut f’ħames industriji – fis-setturi tal-ospitalità, propjetà, logħob, enerġija u trasport bil-baħar – sat-Tlieta li għadda kien direttur fil-Grupp Tumas li huwa wieħed mill-aktar gruppi ta’ negozju b’saħħithom fil-gżira u l-assi tiegħu kienu jiswew ‘il fuq minn €350 miljun mill-2017.
Riċentament il-grupp Tumas kien impenjat fl-industrija tal-enerġija permezz tal-kumpanija Gem Holdings – il-kumpanija Maltija b’parteċipazzjoni ta’ 30 fil-mija fl-Electro Gas li tmexxi l-power station ta’ Dellimera.
Gem Holdings hija s-sid ta’ Electro Gas flimkien mal-kumpanija tal-enerġija tal-Ażerbajġan Socar u d-ditta Ġermaniża Siemens.
Il-konsorzju ġie magħżul mill-Enemalta fl-2013 biex jibni l-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-gass u l-infrastruttura relatata mal-immaniġġjar tal-gass.
Apparti li kien direttur tal-Grupp Tumas, Fenech kien ukoll direttur tal-Powerstation tal-Electro Gas, dan hekk kif irreżenja ftit jiem ilu. Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia għamlet l-unika aċċenn għal Yorgen Fenech fuq il-websajt tagħha. F’dik il-kariga, hija kienet staqsiet il-leġittimità tal-proġett billi analizzat kwotazzjoni min-negozjant.
Erba’ snin wara. Frar 2017. Daphne Caruana Galizia kitbet dwar il-kumpanija 17 Black, kitbet ukoll dwar numru ta’ avvenimenti li fi ftit ġimgħat bdew ipoġġu pressjoni fuq figuri ewlenin involuti fil-power station.
Yorgen Fenech u 17 BLACK
L-ewwel darba li smajna bis-17 Black kien fi Frar tal-2017 mingħand il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – fejn xhur wara ġew żvelati sensiela ta’ e-mails bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi.
Dawn tal-aħħar ċaħdu kemm-il darba li għandhom rabta ma’ din l-kumpanija, minkejja li f’e-mail minnhom, iswed fuq l-abjad, intqalilhom li l-kumpaniji li kellhom il-Panama, Hearnville u Tillgate kienu ser jirċievu maż-żewġ miljun dollari diretti mingħand 17 BLACK – fi kliem sempliċi allegatament kickbacks mill-proġett tal-powerstation tal-gass.
L-emails li kienu ġew leaked mill-Electrogas juru li Yorgen Fenech kien irċieva email f’Mejju tal-2017 minn konsorzju uffiċjali li jgħidlu li huwa konċernat li l-banek finanzjari jinsabu inkwetati u prekupati b’dak li qiegħed jiġri.
Dan l-email kien intbagħat wara diskussjoni interna dwar artiklu tal-midja li jgħaqqad 17 Black maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u lill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.
L-email dwar l-istat tal-banek ntbagħtet ftit wara li rapporti tal-midja esponew kif Mario Pullicino, l-aġent lokali għat-tanker li jforni l-LNG lill-power station, għadda $200,000 lil 17 Black.
F’dak l-istadju, ma kien hemm l-ebda rabta pubblika bejn Fenech u 17 Black madankollu wara r-rivelazzjonijiet, Fenech ċaħad bil-għaġla rregolaritajiet b’rabta mal-kumpaniji tal-Panama, iżda qatt ma ċaħad li għandu 17 Black.
F’kummenti li għadda lill-midja barranija, Yorgen Fenech kien kwotat li qal hekk: “Qatt ma ġejt mistoqsi jew ġejt mitlub biex niġi interrogat mill-pulizija jew minn kwalunkwe awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi tul ħajti”.
7 ta’ Jannar 2018. Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar irrifjuta li jwieġeb jekk 17 Black kinitx taħt investigazzjoni, u qal lil The Times of Malta li l-pulizija ma setgħetx tinforma lin-nies dwar kull każ li qed jiġi investigat, inklużi dawk ta’ interess pubbliku. Huwa, iżda, żied li “kull każ li jirreferu għall-pulizija, kemm minn individwi kif ukoll minn entitajiet oħra, qiegħed ikun investigat.”
Wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jitwaqqaf il-grupp ta’ ġurnalisti The Daphne Project bl-iskop li jkompli x-xogħol ta’ Caruana Galizia.
The Daphne Project jiżvela li l kont bankarju ta’ 17 Black fil-Bank Noor f’Dubai kien irċieva tliet ħlasijiet – pagament wieħed ta’ €161,000 mingħand Mario Pullicino, l-aġent lokali għall-provvista tat-tanker tal-gass għall-power station tal-LNG, u żewġ ħlasijiet separati li jammontaw għal €1.1 miljun minn uffiċjal fl-Ażerbajġan.
Isir magħruf ukoll li Hearnville u Tillgate ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu t-target clients ta’ 17Black ta’ Yorgen Fenech u Macbridge, li s’issa ma nafux ta’ min hi.
L-identità ta’ Macbridge ma ġietx żvelata, iżda Schembri qal li kemm hi u 17 Black kienu ġew inklużi fl-abbozzi tal-pjanijiet ta’ negozju għall-grupp ta’ negozju Kasco, ta’ Keith Schembri.
Aktar kmieni din is-sena, Yorgen Fenech ġie msemmi bħala azzjonist ta’ minoranza tal-kumpanija Maltija tal-logħob, L & L Europe Limited, waqt investigazzjoni dwar kumpaniji tal-logħob li joperaw illegalment fin-Norveġja.
Bil-pressjoni li tkompli tikber, fl-aħħar jiem Keith Schembri waqqa’ l-libell li fetaħ fil-konfront tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil biex ma jweġibx id-domandi dwar 17 Black.
Dan wara li kien ripetutament ordnat biex iwieġeb mill-Maġistrat. Iżda Keith Schembri jippreferi jwaqqa’ l-libell. Fl-aħħar sigħat sar magħruf ukoll li t-Tlieta tal-ġimgħa li għaddiet Yorgen Fenech irriżenja minn Direttur tal-Grupp Tumas, tlett ijiem qabel l-arrest tal-intermedjarju Melvin Theuma, li eventwalment jidher li kixfu.
//= $special ?>