It-telfa ta’ 2-1 ta’ Malta kontra n-Norveġja f’Ta’ Qali nhar it-Tnejn f’Ta’ Qali, li kienet l-aħħar waħda tal-grupp, kienet ukoll l-aħħar waħda għal Ray ‘Żażu’ Farrugia bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti.
Il-Malta Football Association ħadet id-deċiżjoni li l-kuntratt tal-kowċ, li se jiskadi x-xahar li ġej mhuwiex se jiġġedded. Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni tal-futbol Malti ħabbret li l-kuntratt ta’ Farrugia u l-istaff tekniku tat-tim nazzjonali mhux se jiġġedded wara fl-aħħar ta’ din is-sena.
Fl-istqarrija l-MFA irringrazzjat lil Ray Farrugia, l-assistent kowċ Branko Nisevic, it-tieni assistent kowċ Ronald Vella, il-kowċ tal-gowlkipers Charles Sciberras, u t-trainer fiżiku Luca Pagani għall-ħidma tagħhom mat-tim nazzjonali.
Id-deċiżjoni kienet mistennija wara riżultati ftit li xejn sodisfaċenti ta’ Malta fil-partiti ta’ kwalifikazzjonijiet għal UEFA Euro 2020, bit-tim Malti jirbaħ partita waħda biss minn 10, f’Ta’Qali kontra l-Gżejjer Faroe, u tilef id-disgħa l-oħra.
Il-Maltin skurjaw tliet gowls u qalgħu 27 b’kollox biex spiċċaw l-aħħar fi Grupp F, b’punti daqs il-Gżejjer Faroe imma b’bilanċ inferjuri minħabba l-konfronti diretti.
L-ikbar diżappunti fil-partiti ta’ kwalifikazzjoni kienu t-telfa ta’ 1-0 away propju mal-istess Gżejjer Faroe, u t-telfa kbira ta’ 7-0 f’Cadiz ma’ Spanja l-ġimgħa l-oħra.
//= $special ?>