Il-qawwiet ta’ Iżrael laqtu għexieren ta’ miri fis-Sirja, fejn immiraw għall-interessi tal-Gvern immexxi mill-President Bashar al-Assad kif ukoll għall-qawwiet Iranjani, alleati ma’ Damasku, li għandhom preżenza sinifikanti fit-territorji tas-Sirjani.
Il-militar Iżraeljan sostna li ‘l-attakki li kienu mifruxa fuq zona kbira’ saru bi tweġiba għal bumbardament ta’ rokits minn taqsima ‘Iranjana’ għal ġo Iżrael.
Is-Sirja qalet li żewġ ċivili nqatlu waqt l-attakki tal-Iżraeljani u li d-difiżi tal-ajru Sirjani niżżlu l-parti kbira tal-missili tal-Iżraeljani fuq il-belt ta’ Damasku.
Fl-istess ħin ħarġu rapport oħra li indikaw li ċ-ċifra tal-maqtula kapaċi tkun ogħla minn dan.
L-isplużjonijiet mill-attakki tal-Iżraeljani nstemgħu f’diversi bnadi ta’ Damasku u wara dehru r-ritratti u filmati ta’ numru ta’ nirien li kienu qed jaqbdu fil-kapitali Sirjana.
Dan wara li l-militar Iżraeljan qal li kien interċetta talanqas erba’ rokits li kienu sparati mis-Sirja lejn it-Tramuntana ta’ Iżrael fejn hemm numru ta’ zoni residenzjali. Ma jidhirx, intant, li dawn ir-rokits setgħu laqtu xi miri fl-artijiet Iżraeljani.
Iżrael wettaq mijiet ta’ attakki fis-Sirja mindu l-aħħar pajjiż, fl-2011, spiċċa fil-morsa ta’ gwerra ċivili. L-Iżraeljani qed jippruvaw irażżnu dak li huma qed ifissru bħala ‘il-konsolidazzjoni militari tal-Iranjani’ fis-Sirja, flimkien mat-trasport tal-armamenti mill-Iran lejn il-moviment tal-militanti Xiti tal-Hezbollah ( ukoll alleati tal-Iranjani) fil-Libanu.
Rapporti speċifiċi, imbagħad, qalu li l-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, kienu mmiraw b’mod partikulari għall-pożizzjonijiet tal-qawwiet armati tas-Sirja u l-Qawwa ‘Quds’ tal-Iran.
Il-Quds hi l-fergħa għall-azzjonijiet esterni tal-Gwardja Rivoluzzjonarja li hi l-aktar entità militari b’saħħitha tal-Iran.
Il-Qawwa tal-Quds tagħti rendikont dirett tal-azzjonijiet tagħha lill-Ayatollah Ali Khamenei li hu l-Mexxej Suprem tal-Iran. Din l-entità partikulari, tul is-snin, ħadmet biex tintensifika l-attivitajiet tagħha madwar il-Lvant Nofsani fejn qed tipprovdi t-taħriġ, il-fondi u l-armamenti lill-gruppi alleati ma’ Tehran u li mhumiex affiljati uffiċjalment ma’ xi Stat fir-reġjun.
//= $special ?>