Lokali

Uffiċjal tal-Pulizija tweġġa’ wara li b’mod aċċidentali saqet fuqha karozza ministerjali

L-Erbgħa filgħaxija l-attivisti mis-soċjetà Civili li ngħaqdu flimkien f’dimostrazzjoni quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Din il-protesta ssejħet fid-dawl ta’ dak li ġara fl-aħħar sigħat, fejn is-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech ġie arrestat.

F’dik li kienet it-tieni protesta fi ftit jiem kien hemm vuċi komuni kontra l-korruzzjoni, favur il-ġustizzja u b’appell komuni biex il-Prim Ministru jieħu azzjoni fil-konfront ta’ dawk involuti f’diversi skandli fl-aħħar snin, inkluż dawk qrib Joseph Muscat.

Intant tul il-protesta uffiċjal tal-Pulizija kellha tingħata l-kura wara li karozza ministerjali li fiha kien hemm il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju parlamentari Aaron Farrugia saqet fuqha mingħajr intenzjoni.

Kollox seħħ meta ż-żewġ deputati tal-Gvern daħlu fil-karozza, imdawwra minn grupp ta’ persuni li kienu qed jattendu għal protesta mis-soċjetà ċivili.

Malli d-deputati daħlu fil-karozza, ix-xufier saq mingħajr ma nduna li quddiemu kien hemm uffiċjal li kienet qed tiftaħlu t-triq.

Dan bil-konsegwenza li saq għal fuq saqajha u għaddew xi ħin sakemm dawk madwarha rrealizzaw b’dak li kien seħħ u talbu lix-xufier biex jirriversja.