Lokali

Skont rapporti: Yorgen Fenech miżmum mill-Pulizija

Is-sid ta’ 17 Black Yorgen Fenech kien arrestat dalgħodu b’konnessjoni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif kien qed jipprova jitlaq minn Malta bil-baħar.

Yorgen Fenech huwa s-suspettat ewlieni wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan wara li ismu ssemma’ minn dak li qed ikun akkużat bħala l-intermedjarju bejn il-mandant u l-eżekuturi.

Il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech, 17 Black, ilha fl-aħbarijiet għall-aħħar snin wara li sar magħruf li minn din il-kumpanija bbażata f’Dubaj allegatament kienu se jsiru trasferimenti ta’ miljuni lejn żewġ kumpaniji fil-Panama.

Skont id-dokumenti żvelati mill-Panama Papers, jirriżulta li l-kumpaniji 17 Black u Macbridge allegatament kienu ‘target clients’ għall-kumpaniji ta’ Tillgate u Hearnville ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi rispettivament. Dan ħareġ minn email li Nexia BT bagħtet f’Diċembru tal-2015.