Lokali

AĠĠORNATA: Yorgen Fenech jinħeles mill-arrest; tfittxijiet f’Portomaso

Fi ftit sigħat oħra se jerġa' jitpoġġa' taħt arrest

Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, inħeles mill-arrest tard il-Ħamis bil-lejl taħt il-kundizzjoni li jinżamm taħt sorveljanza kontinwa.

Iżda fi żvilupp mhux mistenni, sorsi qrib l-investigaturi kkonfermaw li bil-lejl bdew tfittxijiet fil-kumpless Portomaso f’San Ġiljan – bl-istess sorsi jgħidu li sa filgħodu Fenech se jerġa’ jkun għall-interrogazzjoni.

It-tfittxijiet tal-aħħar sigħat saru fuq il-jott ta’ Fenech u fl-appartament tiegħu.

Il-jott ta’ Yorgen Fenech

Id-deċiżjoni li jingħata police bail ittieħdet il-Ħamis filgħaxija, ftit sigħat qabel ma skada t-terminu ta’ 48 siegħa li fihom Fenech seta’ jitressaq quddiem il-Qorti.

Fil-fatt, hu deher ħiereġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ftit wara t-8.30pm.

Għalkemm mhux se jitressaq quddiem il-Qorti f’dawn is-sigħat, ġie deċiż li Yorgen Fenech jinżamm taħt superviżjoni kontinwa. Yorgen Fenech kien arrestat l-Erbgħa kmieni filgħodu, għall-ħabta tal-5.30am, meta allegatament kien se jipprova jaħrab minn Malta abbord il-jott tiegħu.

L-aħbar tal-arrest tiegħu u r-rabta mal-każ ta’ Daphne Caruana Galizia ġibed l-attenzjoni anke tal-media internazzjonali.

Ikkummenta