Lokali

FILMAT: Muscat jibqa’ ma jkellimx lil Keith Schembri u ‘l Konrad Mizzi

Kważi 24 siegħa wara li ammetta li għadu ma tkellimx ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, il-Prim Ministru Joseph Muscat issa pprova jiġġustifika dan billi jistaħba wara l-proċessi li għad iridu jinżammu.

L-Erbgħa filgħodu, Yorgen Fenech ġie arrestat allegatament b’konnessjoni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif rapporti jindikaw li hu kien qed jipprova jitlaq minn Malta bil-baħar.

Sena ilu, sar magħruf li l-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech, u kumpanija oħra bl-isem ta’ Macbridge li s-sid tagħha ma nafux min hu, kienu se jgħaddu miljuni lill-kumpaniji Tillgate u Hearnville … iż-żewġ kumpaniji li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu bil-moħbi fil-Panama.

Iżda Muscat mill-ġdid naqas milli jwieġeb x’azzjonijiet x’se jieħu fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ persuni daqstant qrib tiegħu. Fil-fatt, fiż-żmien meta nfetħu dawn il-kumpaniji fil-Panama, kemm Schembri kif ukoll Mizzi kellhom uffiċċji f’Kastilja – ftit bibien bogħod minn dak ta’ Muscat.

Dan għalkemm qalilna li d-deċiżjonijiet jeħodhom huwa stess….

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni u t-tensjoni preżenti fil-Gvern Laburista huwa qalilna hekk….

Fl-iskumdità li jinsab fiha, Muscat saħansitra qal li l-Ġurnalist ta’ NET News qed jaġixxi qisu xi tape recorder, sempliċiment għax baqa’ jagħmel dmiru u jistaqsi l-mistoqsijiet.

U dan meta Muscat daħal fil-politika bħala Ġurnalist mal-media Laburista.

Fil-fatt, il-pressjoni ta’ NET News u l-mistoqsija dwar il-ħabib tiegħu Keith Schembri ma tantx niżlitlu għasel, tant li żgiċċa u baqa’ dieħel dritt fil-karozza.

Sadanittant, bħalissa għaddejja wkoll Inkjesta Maġisterjali u pubblika li għandha tistabbilixxi jekk il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia setax jiġi evitat u jekk l-awtoritajiet għamlux dak kollu possibbli biex dan l-omiċidju jiġi evitat.