Fi kliem il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-ġustizzja fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed tieħu fit-tul. Dikjarazzjoni li għamel l-istess Tusk meta kien qed iwieġeb domandi ta’ Net News f’Zagreb fl-għeluq tal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew, u l-għada li l-Maltin niżlu fit-toroq tal-Belt biex juru l-għadab tagħhom għall-mod kif qed imexxi l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Meta mistoqsi x’messaġġ iwassal liċ-ċittadini Maltin li qed jipprotestaw, Donald Tusk qal li n-nies għandhom dritt jitolbu l-aqwa standards mill-gvernijiet. Tusk spjega li hu għadu ma daħalx uffiċjalment fil-kariga l-ġdida tiegħu fit-tmexxija tal-PPE, u għalhekk dan iżommu lura – għalissa – milli jikkummenta direttament fuq dan il-każ sensittiv.
Hu insista, iżda, li bħala President ġdid tal-PPE se jkun qed isegwu b’mod personali u mill-viċin kull żvilupp relatat mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Matul il-Kungress, Tusk kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Kap tal-PN Adrian Delia, bis-sitwazzjoni li qed taħkem lill-Gvern Malti tiddomina t-taħdidiet. Net News hu infurmat illi f’din il-laqgħa kien Tusk innifsu li tenna appoġġ sħiħ lejn l-Oppożizzjoni, li flimkien mas-soċjeta’ ċivili qed jimbuttaw is-sejħa biex tinġarr responsabbilta’ politika.
