Lokali

Il-PA waqqgħet il-pjanijiet tal-Ġordaniżi

L-Awtorità tal-Ippjanar waqqgħet għalkollox, b’vot unanimamu, il-pjanijiet tal-Ġordaniżi ta’ Sadeen Group biex jibnu dormitorju u estenzjoni tal-università fil-qalba tal-Isla.

Waqt laqgħa li nżammet dalgħodu, quddiem il-Bord tal-Awtorità, il-Ġordaniżi ma ressqu l-ebda kontro-proposta.

Fil-ġimgħat li għaddew, dawn il-pjanijiet sabu l-oppożizzjoni u r-rabja ta’ bosta – fosthom tar-residenti tal-Kottonera u l-għaqdiet li qed jirrappreżentawhom, li ħassewhom urtati li l-Gvern ma kienx qed jagħti kashom.

Prominenti kienet il-vuċi tal-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalitajiet tal-Kottonera. Magħhom kienu ngħaqdu wkoll il-Viċi Sindku Laburista tal-Isla u eks Sindku Laburista tal-lokali, Din l-Art Ħelwa, il-Moviment Graffitti u diversi esperti.

Kontra dan il-proġett tkellmet ukoll il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, filwaqt li d-Deputat Laburista Glenn Bedinfield saħansitra attenta għal protesta li ġiet organizzata.Fl-aħħar ġimgħat, il-parkeġġ li kien qed jintuża’ mir-residenti ttieħed għalkollox mis-sidien Ġordaniżi għax dawn diġà kienu xtraw l-art mingħand il-Gvern meta ħareġ bl-idea ta’ Università li qatt ma laħqet l-aspettattivi tagħha.