Jose Mourinho beda l-avventura tiegħu ma’ Tottenham Hotspur ilbieraħ fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet ta’ preżentazzjoni. Hu mill-ewwel indikazzjonijiet Mourinho jidher li ftit inbidel.
Ħmistax-il sena wara l-ewwel esperjenza tiegħu fl-Ingilterra ma’ Chelsea, il-battutti ta’ Mourinho ma naqsux f’din l-ewwel konferenza tal-aħbarijiet. Mistoqsi jekk is-siwazzjoni prekarja ta’ Tottenham hix konsegwenza tat-telfa fil-finali tal-UEFA Champions League kontra Liverpool, Mourinho wieġeb bit-ton sarkastiku uniku tiegħu li ma jafx iwieġed għaliex hu qatt ma tilef finali taċ-Champions.
Mourinho fil-fatt wasal darbtejn sa din il-final, fl-2004 ma’ Porto u sitt snin wara ma’ Inter, u fiż-żewġ finali t-tim tiegħu għolla t-trofew prestiġjuż. Din hi biss it-tieni darba fil-karriera tiegħu li se jieħu tmexxija ta’ tim f’nofs l-istaġun, id-darba l-oħra kienet lura fl-2002 meta kien ħa t-tmexxija ta’ Porto.
Mourinho se jiddebutta fuq il-bank ta’ Spurs f’wieħed mill-ħafna derbies ta’ Londra meta s-Sibt Tottenham jilagħbu ma’ West Ham. Mourinho żgur li mhux se jkollu l-qawwa finanzjarja f’akkwisti ta’ plejers li kellu meta kien ma’ Real Madrid jew Manchester United, iżda Tottenham huma għatxana għar-rebħ tal-unuri u probabilment xi sagrifiċċju finanzjarju għal Mourinho huma lesti li jagħmlu.
L-aħħar unur mirbuħ minn Tottenham imur lura ħdax-il sena meta Spurs rebħu l-League Cup, filwaqt li l-aħħar kampjonat mirbuħ minn Spurs kien fl-1961, 58 sena ilu. Dwar ir-rebħ tal-kampjonat Mourinho kien pjuttost ċar fi kliemu. “Dan l-istaġun ma nistgħux nirbħu l-kampjonat, iżda s-sena d-dieħla iva”, temm jgħid l-Ispecial One.
Nistennew u naraw.
//= $special ?>