Lokali

L-awtoritajiet Ċiniżi jwettqu rejd fl-uffiċċji tal-kumpanija ‘Maltija’ Binance

Il-kumpanija bbażata f’Malta, Binance, kellha l-uffiċċji tagħha magħluqa mill-awtoritajiet fiċ-Ċina wara li l-kumpanija naqset li tagħlaqhom hi.

Dan hekk kif l-awtoritajiet fil-pajjiż qed isaħħu l-ħidma tagħhom kontra kumpaniji li jaħdmu fis-settur tal-flus diġitali u li joperaw fiċ-Ċina. Il-kumpanija li kienet fetħet f’Malta fl-2018 iddikjarat li ma ġietx notifikata biex tagħlaq dawn l-uffiċċji.

L-aħbar tas-sekwestru tal-uffiċċji tal-kumpanija wasslu biex kien hemm reazzjoni negattiva fis-suq tal-cryptocurrency tant li kien hemm telf sinifikanti fil-valur ta’ wħud mill-flus diġitali.

F’Ottubru tas-sena li għaddiet, ftit xhur wara li bdiet topera minn Malta, Binance spiċċat fil-mira ta’ investigazzjoni fl-Istati Uniti b’rabta mal-potenzjal li setgħu nkisru r-regolamenti ta’ New York relatati mal-flus diġitali. Eventwalment, f’Ġunju li għadda l-kumpanija ħabbret li se tieqaf isservi lis-suq Amerikan, li jfisser 15% tal-klijenti tagħha.

F’Mejju ta’ din is-sena, il-kumpanija tilfet madwar $40 miljun li nsterqu minn hackers.

F’pajjiżna, ripetutament tqajmu dubji dwar il-permanenza ta’ din il-kumpanija f’Malta. Dawn id-dubji, s’issa, ġew miċħuda, għalkemm fl-aħħar jiem siti internazzjonali kkwotaw sorsi qrib il-kumpanija li jindikaw li Binance mhux lesta tiffirma l-liċenzja VFA ta’ Malta u minflok tikseb liċenzja Franċiża.

Bit-tama li dan ma jseħħx, għax ix-xogħol ta’ 30 persuna jkun f’riskju, id-dubji tqajmu mill-ġdid anke għaliex l-kumpanija espandiet l-operat tagħha fl-Indja fl-aħħar jiem. Is-sit Taljan Asso Digitale saħansitra qed jirrapporta din l-aħbar bil-kliem: “Binance twarrab lil Malta biex tespandi fl-Indja bl-akkwist tal-kumpanija Wazirx.”