Sport Sport Ieħor

Magħrufa l-aħħar tmienja tat-Tazza Davis

Ilbieraħ f’Madrid intemmet l-ewwel fażi tal-gruppi tal-fażi finali tat-Tazza Davis, biex b’hekk issa l-kwartifinalisti huma magħrufa.

Fil-logħbiet tal-kwartifinali skedati għal-lum, is-Serbja tilgħab kontra r-Russja, r-Renju Unit tilgħab kontra l-Ġermanja, u l-Arġentina tiltaqa’ kontra Spanja.

Il-kwartifinali l-oħra ntlagħbet ilbieraħ filgħaxija bejn il-Kanada u l-Awstralja.

Fl-ewwel singles Vasek Pospisil tal-Kanada għeleb lill-Awstraljan John Millman 7-6, 6-4, iżda l-Awstralja kisbu d-draw meta rebħu t-tieni singles permezz ta’ Alex De Minaur li għeleb lil Denis Shapovalov 3-6, 6-3, 7-5.

Intant fl-aħħar logħbiet tar-rawnd robbin, Novak Djokovic għen lis-Serbja tegħleb u teliminha lil Franza.

Djokovic għeleb lil Benoit Paire 6-3, 6-3 biex ta l-punt deċiżiv lis-Serbi wara li Filip Krajinovic kien għeleb lil Jo-Wilfried Tsonga7-5, 7-6.

Franza kisbu punt ta’ konsolazzjoni meta l-koppja numru wieħed fid-doubles, Pierre-Hugues Herbert u Nicolas Mahut għelbu lil Viktor Troicki u Janko Tipsarevic 6-4, 6-4.

Ir-Renju Unit ukoll avvanza mal-aħħar tmienja u dan minkejja li l-captain ta jum mistrieħ lil Andy Murray kontra l-Każakistan

Kyle Edmund ta l-ewwel punt lill-Brittaniċi b’rebħa fuq Kukushkin 6-3, 6-3, iżda Alexander Bublik għeleb lil Daniel Evans 5-7, 6-4, 6-1 biex għamel l-iskor 1-1.

Il-ogħba kellha tkun deċiża bil-logħba tad-doubles fejn il-koppja Brittanika magħmula minn Jamie Murray u Neal Skupski għelbu lil Alexander Bublik u Mikhail Kukushkin 6-1, 6-4.

Il-Ġermanja issa huma l-avversarji tal-Brittaniċi wara li dawn għelbu liċ-Ċili 2-1 biex rebħu grupp C.

Phillip Kohlschreiber għeleb lil Nicolas Jarry 6-4, 6-3, iżda ċ-Ċili għamlu l-iskor indaqs meta Cristian Garin għeleb lil Jan-Lennard Struff 6-7, 7-6, 7-6.

Anki hawn iddeterminat ir-rebħa l-logħba tad-doubles bil-koppja Ġermaniża magħmula minn Kevin Krawietz u Andreas Mies toħroġ rebbieħa fuq il-koppja Ċilena magħmula minn Tomas Barriso u Alejandro Tabilo.