Lokali

Sejba ta’ kważi tliet miljun sigarett tal-kutrabandu

Ħidma intensiva mill-Uffiċjali tad-Dwana wasslet għall-qabda kbira ta’ kważi tliet miljun sigarett tal-kutrabandu, li jfisser 670,000 ewro f’taxxi mhux imħallsa. Is-sejba saret abbord kontejner ta’ 40 pied, li mir-Russja kien sejjer lejn pajjiż Ewropew ieħor u li waqaf f’pajjiżna.

Skont id-dokumenti, il-kontejner kien qed iġorr pallets tal-injam, li fil-fatt instabu li kienu hemm mill-Uffiċjali li fittxew. Madankollu, il-proċess ta’ scanning tal-kontejner wassal biex dehru affarijiet suspettużi mdaħħlin fl-injam tal-pallets.

Aktar tfittxijiet wasslu fin-negattiv, għalkemm kien innutat diskrepanza fil-piż bejn pallet u oħra. Dan wassal biex l-Uffiċjali kissru waħda minnhom u hemm, sabu 48 pakkett sigaretti tal-kutrabandu.

Ħidma ta’ aktar minn 36 siegħa wasslet għas-sejba ta’ 145,000 pakkett ta’ 20 sigarett, li jammontaw għal żewġ miljuni u 900,000 sigarett. Dawn kollha nżammu mid-Dipartiment tad-Dwana sakemm ikomplu l-investigazzjonijiiet.

Sadanittant, bis-sejba kienu mgħarfa wkoll l-OLAF, il-Europol u l-awtoritajiet tal-pajjiż fejn kien sejjer il-kontejner.