Lokali

Verżjonijiet differenti mill-Kabinett ta’ Muscat

Il-Kabinett, li tant jgħid li hu magħqud mal-Prim Ministru Joseph Muscat, għal darb’oħra qed juri biċ-ċar li dan mhux minnu.

Fir-rigward tal-arrest ta’ sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech, li għandu konnessjonijiet kbar maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u mal-Ministru Konrad Mizzi – bit-tlieta li huma jissemew fil-Panama Papers – NET News tkellem ma’ żewġ Ministri, li tawna żewġ verżjonijiet differenti.

Il-Ministru Evarist Bartolo reġa’ wera li ma jaqbilx mad-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Prim Ministru u għamilha ċara li dak li qal tliet snin ilu jibqa’ jsostnieh.

Fil-fatt, tliet snin ilu b’post fuq il-media soċjali, l-MEP u eks Mexxej Laburista Alfred Sant kien saħaq li Konrad Mizzi għandu jirriżenja … bil-Ministru Evarist Bartolo kien qabel ma dan id-diskors.

Mhux tal-istess opinjoni l-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici.

Il-fatti juru li Joseph Muscat baqa’ ma keċċiex lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, minkejja li isimhom issemma’ fil-Panama Papers, minkejja li Keith Schembri waqqa’ l-libell li fetaħ hu stess fuq Simon Busuttil biex ma jinkriminax ruħu dwar 17 Black u minkejja li kien arrestat Yorgen Fenech, is-sid tal-istess 17 Black li minnha allegatament, Schembri u Mizzi kienu se jieħdu 5,000 Dollaru kuljum.

Mhux talli hekk, talli l-Ministru tal-Ġustizzja ġġustifika d-deċiżjoni tal-Prim Ministru billi semma’ l-Egrant.

L-ironija hi li r-Rapport tal-Inkjesta dwar l-Egrant rah biss il-Prim Ministru u hu magħruf biss minn nies tal-qalba, fosthom l-istess Owen Bonnici.

Dan il-każ bħalissa qiegħed ukoll quddiem il-Qorti biex il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jkun jista’ jara dan ir-Rapport, bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Għaldaqstant, wieħed jittama li l-każ ta’ Yorgen Fenech ma jkunx bħal ta’ Egrant … u l-poplu Malti u Għawdxi jsir jaf bil-konklużjonijiet.