Lokali

Fejn hu l-Kummissarju tal-Pulizija?

In-nuqqas tal-Kummissarju tal-Pulizija li s’issa għadu ma deherx jew imqar lissen kelma waħda dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa qed iqajmu suspetti kbar.

Dan b’mod speċjali fid-dawl li, kuntrarju għal dak li jsir is-soltu, s’issa ma ssejħet l-ebda crime conference. Minflok, qed ikun il-Prim Ministru Joseph Muscat li jagħti d-dettalji.

Fid-dawl ta’ dan saqsejna lill-Ministru Owen Bonnici dwar għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat qed ikun hu li jaġixxi ta’ kelliem tal-Korp tal-Pulizija. Madankollu hu ma weġibx.C

Dan wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat, dalgħodu ta aġġornament ieħor dwar l-iżviluppi tal-aħħar sigħat b’rabta mal-arrest ta’ Yorgen Fenech.

Madankollu Net News, flimkien ma’ kmamar tal-aħbarijiet oħra indipendenti, ġew esklużi minn din il-konferenza tal-aħbarijiet.

Filfatt Net News jista’ jikkonferma li l-istedina lil kmamar tal-aħbarijiet magħżula ma saritx b’email uffiċjali, kif isir is-soltu iżda b’telefonati mingħand l-eks uffiċjal tal-Partit Laburista Nigel Vella lill-kmamar tal-aħbarijiet magħżula.

Intant, fi stqarrija l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ddikjarat li tinsab “diżappuntata” għall-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed ipoġġi lilu nnifsu fiċ-ċentru tal-investigazzjoni dwar il-qtil tagħha.

Fi stqarrija huma appellaw lil Muscat biex jitbiegħed mill-investigazzjoni minħabba r-rabtiet ta’ Yorgen Fenech mac-chief of staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.

Tkellem ukoll il-Membru Parlamentari Olandi# Pieter Omtzigt, li hu wkoll rapporteur għall-Kunsill tal-Ewropa. Hu esprima tħassib dwar l-interess tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-influwenza li potenzjalment għandu fuq is-sistemà ġudizzjarja Maltija.