Lokali Qtil Politiku

“Id-demokrazija f’pajjiżna tinsab mhedda mill-ġdid” – Adrian Delia

Il-PN ifakkar it-38 sena minn meta partitarji laburisti ħebbew għall-każin tal-Partit f'Ħaż-Żebbuġ

“Bħal 38 sena ilu, llum ukoll qed naħdmu għad-difiża tad-demokrazija. Dak iż-żmien kellna niddefendu d-demokrazija minn Gvern Laburista li tul is-snin dgħajjef u immina l-istituzzjonijiet, il-libertà u d-demokrazija bi vjolenza li kienet ċara u tinħass. llum irridu niddefendu d-demokrazija fi klima fejn il-Gvern reġa’ għandu l-kontroll assolut u l-Prim Ministru jibqa’ jiddefendi n-nies qrib tiegħu implikati direttament f’każijiet ta’ korruzzjoni.” Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika f’Ħaż-Żebbuġ fl-okkażjoni tat-38 sena minn meta partitarji laburisti ħebbew għall-każin tal-PN f’din il-lokalità.

Adrian Delia qal li l-avvenimenti tat-22 ta’ Novembru tal-1981 seħħew f’sitwazzjoni fejn il-Gvern Laburista ried juża s-saħħa elettorali sabiex jgħaddi romblu minn fuq in-nies. 38 sena ilu, partitarji Laburisti ħebbew għall-każin u tefgħu l-gass tad-dmugħ lin-Nazzjonalisti li kienu magħluqin ġewwa, meta dawn ma kienu qed jipprovokaw lil ħadd. 17-il persuna ġew arrestati, msawwta u ttorturati u wara li damu miżmuma fil-ħabs ġew illiberati minn kull akkuża mill-Qorti. Dan ma beżżax lill-Partit Nazzjonalista iżda għamlu aktar determinat sakemm fl-1987 rebaħ is-sewwa kontra Gvern li ried issikket lill-poplu. Adrian Delia sellem lil dawn il-persuni u l-familji tagħhom u qal li llum reġa’ għandna sitwazzjoni fejn il-Gvern Laburista qed juża s-saħħa elettorali tiegħu biex jerġa’ jgħaddi romblu minn fuq il-poplu u għalhekk rridu nerġgħu niġġieldu għad-demokrazija u kontra l-korruzzjoni.

Adrian Delia qal li Joseph Muscat qed jagħżel li jitkellem għall-Kummissarju tal-Pulizija, għall-Avukat Ġenerali u għall-Forzi Armati u jibqa’ jiddefendi lin-nies qrib tiegħu u ma jkeċċix liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru ewlieni tiegħu Konrad Mizzi, li huma implikat direttament fl-akbar skandli ta’ korruzzjoni f’pajjiżna. Għalhekk il-poplu flimkien mas-soċjetà ċivili qed jipprotestaw, għax irid li ssir ġustizzja u demokrazija li tiffunzjona. Huwa qal li l-Prim Ministru għandu r-responsabbiltà politika u għandu jerfa’ din ir-responsabbiltà, iżda minflok qed jagħżel li ma jerfax din ir-responsabbiltà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jinsab inkwetat bis-sitwazzjoni f’pajjiżna u għalhekk mar għand il-President ta’ Malta George Vella sabiex jurih it-tħassib serju tiegħu dwar l-irwol li l-Prim Ministru jidher li qed jassumi relatat mal-investigazzjonijiet li bħalissa għaddejjin f’pajjiżna fir-rigward tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Adrian Delia qal li l-Prim Ministru mhux qed iħares l-interess nazzjonali u flok jħares il-ġustizzja qed jibqa’ jiddefendi lil min huwa korrott, u għalhekk ittradixxa lill-poplu u l-pajjiż.