Internazzjonali

Iżrael: Netanyahu jisfida t-tentattivi biex iwarrbuh mill-poter

epa05552159 Prime Minister of Israel Benjamin Netanyahu speaks during the General Debate of the 71st Session of the United Nations General Assembly at UN headquarters in New York, New York, USA, 22 September 2016. EPA/JUSTIN LANE

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, baqa’ jaħlef li jżomm il-poter, sigħat wara li hu spiċċa akkużat dwar tixħim, frodi u ksur ta’ fiduċja b’konnessjoni ma’ tliet każi separati. Dan meta Netanyahu qed jikkundanna l-akkużi inkwistjoni bħala ‘kolp ta’ stat kontra tiegħu’.

Netanyahu, skont l-allegazzjonijiet, kien aċċetta rigali mingħand in-negozjanti sinjuri, meta qed ikun ukoll allegat li hu qassam il-favuri bil-għan li l-istampa Iżraeljana toħroġ artikli aktar favorevoli dwar u t-tmexxija tiegħu.

Intant, Benjamin Netanyahu, waqt diskors, sostna li ‘mhux se jippermetti li l-gideb fil-konfront tiegħu jwassal għal dak li jixtiequ l-avversarji’. Fl-istess ħin, hu insista li se jkompli jmexxi lil Iżrael skont il-kriterji tal-liġi, fejn akkuża lill-ġudikatura, il-pulizija u oħrajn ‘talli ssieħbu f’kumplott kontra tiegħu li jibbaża fuq l-allegazzjonijiet b’motivazzjoni politika’.

Benjamin Netanyahu qed jgħid ukoll li ‘l-investigaturi wara dan il-proċess manipulat ma kenux qegħdin ifittxu l-verità iżda riedu jsostnu attakk fuqu personalment’. Hu anki akkuża lill-investigaturi li huma kienu qed iwettqu l-pressjoni fuq ix-xhieda biex jigdbu kontra tiegħu.

Aktar qabel, l-Avukat Ġenerali Iżraeljan, Avichai Mandelblit, qal li d-deċiżjoni dwar Netanyahu turi li ħadd mhu ’l hinn mil-liġi f’Iżrael. Hu spjega li ‘l-infurzar tal-liġi mhix kwistjoni ta’ għażla jew politika iżda konferma ta’ dak li hu sewwa u dak li mhux’.

Iżrael, fil-preżent, jinsab f’salib it-toroq – minn lat politiku – wara l-elezzjonijiet ġenerali inkonklussivi li saru f’April u Settembru. F’nofs il-ġimgħa, Benny Gantz, ir-rivali kbir ta’ Netanyahu għar-rwol ta’ Prim Ministru, qal li ma kienx kapaċi jifforma koalizzjoni b’maġġoranza fil-Parlament. Gantz kien ingħata  l-opportunità biex jifforma Gvern ġdid wara li Netanyahu kien falla f’dan it-tentattiv.

Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Iżrael, Reuven Rivlin, talab lid-deputati biex jaqblu dwar kandidat għall-kariga ta’ Prim Ministru fi żmien 21 jum, bil-għan li l-pajjiż jevita tielet elezzjoni (bħala xi ħaġa mingħajr preċedent) fi żmien sena.

Ikkummenta