Lokali

Kastilja tagħżel il-kmamar tal-aħbarijiet għall-indirizz tal-Prim Ministru – Muscat jaħrab minn Net News

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu ta aġġornament ieħor dwar l-iżviluppi tal-aħħar sigħat b’rabta mal-arrest ta’ Yorgen Fenech.

Madankollu Net News, flimkien ma’ kmamar tal-aħbarijiet oħra indipendenti, ġew esklużi minn din il-konferenza tal-aħbarijiet.

Filfatt Net News jista’ jikkonferma li l-istedina lil kmamar tal-aħbarijiet magħżula ma saritx b’email uffiċjali, kif isir is-soltu.

Minflok, uffiċjali minn Kastilja fosthom Nigel Vella, eks uffiċjal tal-Partit Laburista li llum jaħdem mal-Prim Ministru, ċemplu personalment lil kmamar tal-aħbarijiet magħżula, fosthom One News u Television Malta. Net News qatt ma rċieva din it-telefonata.

Ironikament, Joseph Muscat ftaħar mal-midja li hu mhu qed jaħbi jew jiddefendi lil ħadd, iżda fl-istess waqt kien qed jagħżel hu lil min jgħaddi l-informazzjoni.

L-aġir tal-Prim Ministru jispikka anke fid-dawl li l-Kummissarju tal-Pulizija, li suppost qed imexxi l-investigazzjonijiet, għadu qed jistaħba mill-midja u ma ħabbar l-ebda konferenza tal-aħbarijiet.