Lokali Qorti

Koppja Ungeriża kundannata 12-il sena ħabs fuq traffikar ta’ nisa għall-prostituzzjoni

Koppja Ungeriża ġew kundannati 12-il sena ħabs kull wieħed mill-Maġistrat Joseph Mifsud war li nstabu ħatja li ttraffikaw nisa minn pajjiżhom għal skopijiet ta’ prostituzzjoni.

Robert Attila Majlat ta’ 41 sena u Attilane Majlat ta’ 36 sena, ġew kundannati l-massimu tal-piena skont il-liġi fuq traffikar ta’ żewġ nisa li spiċċaw vittmi ta’ traffikar uman.

Il-vittmi, li isimhom ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti qalu fil-Qorti li qatt ma kellhom flus tagħhom, minħabba li kull ma kienu jaqilgħu kienu jgħadduh lill-akkużati, li minn naħa tagħhom kienu jipprovdu għall-ħobża ta’ kuljum.

Waħda mill-vittmi qalet fil-Qorti li hija saet taf lis-Sur Majlat meta kellha biss 19-il sena. Dak iż-żmien hija diġa kienet qed taħdem fil-prostituzzjoni ma’ xi ħadd ieħor qabel ma’ Majlat ‘kien ħallas għaliha’ u ħadha għalih mingħand ir-raġel li kien iħaddimha qabel.

Il-vittma qalet li hija ħadmet ta’ prostituta f’diversi pajjiżi li jinkludu l-Ungerija, l-Ingilterra, l-Olanda u Malta, u dejjem għaddiet il-flus li daħħlet mill-prostituzzjoni lil Majlat. Ix-xhud qalet ukoll li l-mara tiegħu, kienet responsabbli biex tirranġa l-appuntamenti mal-klijenti u kienet hi li tiddetermina kemm jiswa’ s-servizz.

Qalet ukoll li kienu tliet persuni li jittraffikawha u li jibgħatuha mal-irġiel, iżda t-tielet persuna m’għadhiex Malta. Din l-istorja ila sejra minn Awwissu tal-2016 meta ġew Malta, iżda sid il-post fejn kienet toqgħod hi u ħabibitha kien induna li l-post qed jintuża għall-prostituzzjoni. Kien għalhekk li huwa kien temm il-kirja u għalhekk kellhom jitilqu minn Malta.

Huma rritornaw lura Malta f’Settembru tal-2017 bix-xhud tgħid li kien ikollha 15-il klijent kuljum. Fix-xhieda tagħha sostniet ukoll li kienet sfurzata li jkollha x’taqsam sesswalment mas-Sur Majlat, li iżda ma nstabx ħati ta’ din l-akkuża minħabba li dan il-fatt ma kienx pruvat.

Il-vittma qalet li hija riedet tieqaf tkompli taħdem ta’ prostituta, iżda kienet inkwetata fuq li ma kienx se jkollha flus biex titma u tisqi lil bintha ta’ tmien xhur. Qalet li t-tarbija tagħha kienet toqgħod mal-koppja li kienet tħaddimha waqt li hija tkun mal-klijenti.

Il-vittma l-oħra xehdet bl-istess mod u kkonfermat kif kienet inġiebet Malta biex taħdem ta’ prostituta. Hija kienet toqgħod San Pawl il-Baħar maż-żewġ akkużati u li kienet tuża’ appartament differenti biex taqdi l-klijenti. Hija qalet li kienet tieħu €100 biex toffri s-servizzi tagħha.

Qalet ukoll fil-Qorti li l-koppja kienet tgħajjat magħha f’diversi okkażjonijiet u kien hemm mumenti wkoll fejn sawwtuha. Qalet ukoll li kien hemm min ipprova jipperswadiha biex ma tixhidx kontra l-mara, minħabba li din kienet se tispiċċa l-ħabs.

Il-koppja nstabet ħatja li ttraffikaw lin-nisa f’Malta u li għamlu profitt minn fuqhom permezz tal-prostituzzjoni. Instabu ħatja wkoll ta’ esplojtazzjoni fuq nisa vulnerabbli, fejn waħda minnhom kien ippruvat ukoll li għandha problemi psikoloġiċi.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud qal fis-sentenza tiegħu li l-koppja kienet taf x’qed tagħmel u li kienu l-moħħ wara ċirku ta’ prostituzzjoni u li kien għalhekk li kien qed jikkundannahom 12-il sena ħabs kull wieħed.

Huwa ordna wkoll lill-Kummissarju tal-Puilizija biex jinvestiga jekk hux minnu li kien hemm attentat biex wieħed mill-vittmi ma tixhidx, u fid-dawl ta’ dan kollu jieħu l-azzjoni neċċessarja.