Lokali

L-akbar prova s’issa…recordings ta’ telefonati u kuntatti bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma

Konversazzjonijiet li jindikaw il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Il-ġurnal In-Nazzjon jirrapporta li r-recordings jirreferu għall-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia

L-akbar u l-aktar prova riċenti li għandhom bħalissa l-investigaturi fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huma numru ta’ recordings ta’ telefonati u messaġġi li għaddew bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma.

Il-jott ta’ Yorgen Fenech hekk kif inqabad ‘l barra minn Pembroke f’dak li qed ikun ikkunsidrat bħala tentattiv ta’ ħarba minn Malta

Sorsi informati viċin l-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia żvelaw ma’ In-Nazzjon li dan il-materjal diġitali ta’ importanza kbira kien konfisikat mingħand Melvin Theuma waqt waħda mit-tfittxijiet li saru għandu.

Kien nhar il-Ħamis li għadda li l-investigaturi Maltin identifikaw lil Melvin Theuma, xufier ta’ taxi, bħala l-middleman fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan seħħ waqt interrogazzjoni ta’ Melvin Theuma li fiha Theuma stqarr mal-pulizija li kellu informazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li kien lest li jagħti l-informazzjoni lill-investigaturi jekk hu jingħata maħfra kemm fuq dan il-każ kif ukoll fuq każi oħra li allegatament hu involut fihom.

Immedjatament kien informat il-Prim Ministru li wara konsultazzjonijiet mal-Avukat Ġenerali kiteb ittra fis-sens li kien lest li jagħti din il-maħfra lil Melvin Theuma jekk l-informazzjoni li jgħaddi lill-pulizija twassal biex jinqabad il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galziia u jissolvew ukoll il-każi l-oħra li fihom Melvin Theuma hu involut jew li għandu informazzjoni dwarhom.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa dlega mingħand il-kabinet tal-ministri biex jiddeċiedi waħdu fuq maħfra lil Melvin Theuma

Il-Prim Ministru ddikjara wkoll li hu għandu delega mill-Kabinet tal-ministri biex jagħti din il-maħfra kemm f’dan il-każ kif ukoll f’każi simili oħra. S’issa għadu mhux pubbliku jekk l-informazzjoni li Melvin Theuma għadda lill-investigaturi tammontax għall-grad neċessarju biex titressaq persuna akkużata li kien ippjana l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-aħħar żviluppi, l-Forzi Armati Maltin rnexxielhom jinterteċċaw lil Yorgen Fenech ħiereġ bil-jott tiegħu minn Portamaso f’dak li qed ikun ikkunsidrat bħala tentattiv biex jaħrab mill-pajjiż. Yorgen Fenech jinsab arrestat.

Lill-investigaturi rriżultalhom li r-recordings tal-konversazzjonijiet telefoniċi u materjal ieħor diġitali kienu miżmuma minn Melvin Theuma f’waħda mir-residenzi tiegħu. Dan il-fatt kien wieħed sorprendenti għall-investagturi; li ma kinux qed jistennew li se jagħmlu din il-konfiska daqshekk importanti. L-investigaturi ma stennewx li se jsibu l-akbar prova s’issa f’dan il-każ miżmuma b’mod daqshekk mhux sigur; liema post seta’ anki wassal biex din il-prova tintilef.

Aspett fundamentali f’dawn ir-recordings hu li fihom hemm riferenza diretta għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Lill-investigaturi rriżultahom ukoll li kien hemm numru ta’ drives bi screen shots ta’ messaġġi u materjal ieħor li għadda bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ir-recordings li elevat il-pulizija huma prova importanti fl-investigazzjonijiet

In-Nazzjon hu informat li l-investigaturi Maltin ilhom minn April 2018 li identifikaw lil Yorgen Fenech bħala l-possibbli moħħ jew wieħed mill-imħuħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia iżda l-provi li kellhom ma kinux kunsidrati biżżejjed biex tinsab ħtija.

Dan minkejja li f’Novembru 2018 l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia kien ikkummenta fil-pubbliku fejn indika ċar li l-pulizija u l-investigaturi Maltin kien qed jirnexxielhom jagħlqu l-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Għall-investigaturi Maltin f’dan il-każ, mingħjar l-informazzjoni u l-oġġetti konfiskati mingħand Melvin Theuma kien ikun difiċċli jekk mhux impossiblbi li jkun identifikat u jitressaq il-qorti il-moħħ jew l-imħuħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.