Lokali

L-iskema tal-bejgħ tal-passaporti għandha titwaqqaf minnufih

Fl-interess nazzjonali għandha titwaqqaf minnufih u darba għal dejjem l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti

Fi stqarrija ffirmata minn Karol Aquilina, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi qali li d-deċiżjoni tal-Imħallef Edwina Grima li tordna li ssir inkjesta maġisterjali dwar wieħed mill-partners tad-ditta legali li nqabdet fl-iskandlu tal-passaporti hija konferma oħra ta’ kemm l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti qed tagħmel ħsara lil pajjiżna. Permezz ta’ din id-deċiżjoni l-Qorti Kriminali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li għandha ssir inkjesta fil-konfront tal-avukat li jmexxi ditta legali għar-reat ta’ korruzzjoni (trading in influence). It-talba għal din l-inkjesta saret mill-organizzazzjoni Repubblika.

Min imexxi din id-ditta legali nvoluta fil-bejgħ tal-passaporti nqabad jiftaħar li għandu rabtiet u influwenza fuq il-Prim Ministru u bosta Ministri tal-Gvern Laburista. Minn dak li ġie żvelat jirriżulta wkoll li din id-ditta saħansitra tista’ tirranġa biex l-Awtoritajiet ta’ pajjiżna jagħlqu għajn waħda meta persuni b’rekord kriminali jkunu jridu jixtru passaport Malti.

Il-PN ilu sa mill-bidunett iwissi li l-iskema ta’ bejgħ tal-passaporti hija skema li tagħti isem ħażin lil pajjiżna u qed tirvina r-reputazzjoni tajba li pajjiżna rnexxielu jikseb fuq numru twil ta’ snin. Il-PN jfakkar li fil-Qrati ta’ pajjiżna għaddejja wkoll inkjesta oħra dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fil-bejgħ tal-passaporti. F’dan l-iskandlu jirriżulta li Keith Schembri rċieva €100,000 f’kont li huwa kellu fil-bank Pilatus mingħand kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna. Dawn il-flus kienu ġejjin mill-bejgħ ta’ numru ta’ passaporti Maltin lil tliet Russi.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli għandhom jerfgħu r-responsabbilità politika. Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li fl-interess nazzjonali għandha titwaqqaf minnufih u darba għal dejjem l-iskema tal-bejgħ tal-passporti sabiex pajjiżna jkun jista’ jibda jsewwa l-ħsara li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat bl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.