Lokali

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jikkundanna lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru

L-Uffiċċju ta-Prim Ministru fl-aħħar ħin irċieva kundanna ġdida, din id-darba mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għaċ-ċensura fil-konfront ta’ kmamar tal-aħbarijiet.

Dan wara li kmamar tal-aħbarijiet ma ġewx mistiedna għal aktar minn darba biex jattendu għal stqarrijiet importanti mill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-kamra tal-aħbarijiet ta’ Net News, apparti oħrajn indipendenti, filfatt dalgħodu ma kinux mistiedna għal aġġornament li ta l-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-investigazzjoni fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Net News saħansitra għamel kuntatt ma’ Nigel Vella, eks uffiċjal tal-Partit Laburista li issa jaħdem mal-Prim Ministru. Minkejja dan, minfloku rrispondiena kelliem tiegħu li qalilna li jinsab okkupat u njora talba tagħna biex jagħmel kuntatt magħna iktar tard.

Quddiem dan kollu, l-IĠM ikkundanna bl-aktar mod kategoriku din iċ-ċensura. “Il-Gvern m’għandu fl-ebda każ jagħżel lil min jistieden għall-konferenza tal-aħbarijiet, speċjalment meta dawn ikunu ta’ importanza nazzjonali.”

L-IĠM sejjaħ lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru “biex iwaqqaf minnufih dawn ilprattiċi ħżiena li qed jiġu adottati. Kull kamra u kull ġurnalist għandu jiġi trattat l-istess mill-Gvern u jitħalla jaħdem fil-libertà, hu min hu, ġej minn fejn ġej.”