Sport Waterpolo

Malta f’żewġ ‘tournaments’ ta’ preparazzjoni għall-kampjonati Ewropej f’Budapest

It-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo se jieħu sehem f’żewġ ‘tournaments’ ta’ preparazzjoni wieħed f’Ostia, l-Italja u l-ieħor f’Malta. Dawn se jsiru bi tħejjija għall-kampjonati Ewropej li se jsiru f’Budapest f’Jannar li ġej. Sadanittant minn nhar it-Tnejn 25 ta’ Novembru li ġej se jibdew sessjonijiet ta’ taħriġ kuljum għat-tim nazzjonali Malti taħt il-gwida tal-kowċ Karl Izzo.

L-ewwel parteċipazzjoni ta’ Malta se ssir ftit il-barra minn Ruma, eżattament f’Ostia fejn jipparteċipaw ukoll l-Italja fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena u fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena flimkien mas-Serbja fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena. Il-Maltin se jilgħabu dawn il-partiti bejn it-2 u l-5 ta’ Diċembru li ġej.

It-‘tournament’ l-ieħor se jintlagħab bejn is-17 u l-24 ta’ Diċembru li ġej fil-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq fejn se jieħu sehem il-ġganti tal-waterpolo, is-Serbi ta’ Partizan Belgrade, seba’ darbiet Champions Ewropej kif ukoll it-tim Taljan tas-Serie A1 Telimar Palermo, li magħhom jilgħab l-internazzjonali Malti Matthew Zammit magħruf aħjar bħala x-Xellugi. Il-Kampjonati Ewropej se jintlagħbu fid-Danube Arena fil-kapitali Ungeriża bejn it-12 u s-26 ta’ Jannar.

Malta telgħet biex tilgħab fi Grupp Ċ mat-Turkija, Spanja u l-ospiti Ungeriżi fil-kampjonati Ewropej tal-LEN. Is-sittax il pajjiż li se jieħdu sehem se jkunu maqsuma f’erba’ gruppi. L-ewwel żewġ timijiet f’kull grupp jgħaddu għall-kwarti-finali: bit-tmien timijiet l-oħra jilagħbu għall-klassifikazzjoni finali bejn id-disa’ u s-sittax-il post.

L-Ungerija u Spanja m’għandhomx ikollhom diffikultà jgħaddu mill-grupp filwaqt li l-ġlieda hija bejn min se jispiċċa t-tielet u r-raba. Il-partita kruċjali żgur hija kontra t-Turkija: għax rebħa tkun tfisser li għall-ewwel darba Malta tilgħab għal post ta’ bejn id-disa’ u t-12-il post.

Jekk titlef Malta terġa’ tilgħab il-‘playoffs’ biex tispiċċa bejn it-13 u s-16-il post. F’każ ta’ draw ikun tgħodd id-differenza tal-gowls għal min jispiċċa fl-aħjar pożizzjoni, dejjem u kif inhuwa prattikament skontat li Malta jew it-Turkija jitilfu l-partiti tagħhom kontra l-Ungerija u Spanja.

“Irridu naħdmu għax it-Turkija għamlet progress kbir” – Karl Izzo
Il-kowċ tat-tim nazzjonali Karl Izzo qal lil dan il-ġurnal li l-preparazzjoni u l-forma tat-tim trid tkun waħda mill-aqwa għax żgur li mhux se tkun faċli kontra t-Turkija.

“Irridu naħdmu għax mhux se tkun faċli minkejja li fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-kampjonati Ewropej ġejna darbtejn draw, bl-ewwel waħda nirbħuha bil-penalties u t-tieni waħda jirbħuha t-Tork bl-istess mod.
“Fit-13 ta’ Ottubru li għadda t-Turkija żammew lill-Olanda fi draw ta’ 8-8 f’partita valida għall-kwalifikazzjoni għall- Euro 2020. Dan ifisser it-titjieb kbir li għamlu t-Turkija,” tenna Karl Izzo.

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti qal lil dan il-ġurnal li l-plejers irid jaħdmu qatiegħ u minn nhar it-Tnejn bejn is-6.00pm u s-7.30pm il-plejers iridu jibdew taħriġ intensiv. Malta se tilgħab il-partiti tagħha f’dawn il-kampjonati fit-12 ta’ Jannar kontra Spanja, fl-14 ta’ Jannar – il-partitissima kontra t-Turkija fil-11.30am u kontra l-ospiti l-Ungerija jumejn wara.

Sadanittant Grupp A jikkonsisti mill-Ġermanja, is-Slovakkja, il-Kroazja, u l-Montenegro; iċ-champions renjanti Ewropej is-Serbja ġew fi Grupp B mar-Rumanija, l-Olanda u r-Russja; waqt li fi Grupp D se jilagħbu Franza, l-Italja (Champions tad-Dinja), l-Ġeorġia, u l-Greċja.

Din hi t-tielet darba nfila li Malta għaddiet għall-finali bejn l-aqwa sittax-il team Ewropew tal-waterpolo: wara li ħadet sehem fl-aħħar żewġ edizzjonijiet f’Belgrad fl-2016 u f’Barcelona s-sena l-oħra.