Futbol Sport

Mangia favorit li jsir kowċ tat-tim nazzjonali iżda qed jissemma’ ukoll Svizzeru

Wara l-esperjenza fir-Rumanija ma’ US Craiova, l-eks kowċ ta’ Palermo Devis Mangia jista’ jinħatar il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti wara li l-Malta Football Association ħabbret li mhux se jiġi mġedded il-kuntratt tal-kowċ Ray ‘Żażu’ Farrugia, liema kuntratt jintemm fl-aħħar tas-sena.

Mangia, dejjem ikkowċja tims Taljani minbarra l-aħħar sentejn fejn kien spiċċa r-Rumanija. Huwa kien ukoll ħa f’idejh lit-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt il-21 sena fl-2012 huwa l-favorit anke jekk l-MFA tista’ titfa’ wkoll għajnejha fuq kowċ Svizzeru.

Wara t-telfa kontra n-Norveġja nhar it-Tnejn li fissret id-disa’ telfa minn għaxar partiti għal Malta, il-federazzjoni Maltija qed tagħmel il-valutazzjonijiet tagħha.

Huwa mifhum li diġa saru kuntatti ma’ Mangia minn naħa tal-MFA, u li jekk isir il-ftehim, mal-kowċ Taljan dan għalih tkun it-tieni esperjenza bħala kowċ ta’ tim nazzjonali, wara li b’suċċess huwa kien wassal it-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt il-21 sena sal-finali ta’ Ewropej fl-2013.

Mangia, li għandu 45 sena, u jħobb jilgħab bil-modulu tattiku ta’ 4-2-3-1 beda l-karriera tal-‘coaching’ ma’ Varese fl-2004, ma Tritium fl-2007, Ivrea sena wara, Valenzana Mado 2009, Varese Under 19 fl-2010, US Palermo fl-2011, L-Italja Under 21 – 2012, Spezia 2013, Bari 2014, Ascoli 2015 u US Craiova 2017 fejn magħhom kien involut fi 82 partita.