Lokali

Melvin Theuma trasferit għall-Cardiac Intensive Care Unit

Sorsi qalulna li ddaħħal fil-Psychiatric Unit dalgħodu

Net News jista’ jikkonferma li ftit tal-ħin ilu Melvin Theuma, ir-raġel li huwa maħsub li aġixxa bħala “l-intermedju” fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ġie trasferit għall-Cardiac Intensive Care Unit (CICU).

Dan kien żvelat minn sorsi ta’ Net News qrib l-investigazzjoni li spjegawlna li hu kien fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni hekk kif ma setax jitkellem kawża tal-kundizzjoni medika tiegħu.

Aktarx li dan hu riżultat ta’ tensjoni qawwija u aġitazzjoni li beda jsofri minnhom fl-aħħar sigħat, hekk kif kien qed jiġi investigat. Huma spjegaw magħna li Theuma ddaħħal l-isptar wara li lmenta minn rogħda qawwija u problemi bil-vuċi.

Hu ddaħħal l-isptar iktar kmieni għall-ħabta tad-9 ta’ filgħodu tal-Ġimgħa u bħalissa qed jinżamm fid-Dipartiment tal-Emerġenza, taħt osservazzjoni.

Fl-Isptar Mater Dei, hu jinsab f’iżolament, akkumpanjat minn uffiċjali tal-pulizija u taħt osservazzjoni stretta. Mhux magħruf jekk il-kundizzjoni tiegħu titqiesx serja.

Theuma talab għall-Maħfra Presidenzjali għax qal li jaf min hu l-moħħ wara dan il-każ. Madankollu, ilbieraħ il-Prim Ministru qal li s’issa Theuma għadu ma tax dettalji biżżejjed biex jimmeritaha.