Lokali

Rapporti li kien ġurnalist li ċempel lill-Pulizija javżahom li kien qed jaħrab Yorgen Fenech

L-Avukat Edward Debono, li l-Ħamis kien qed jiġi intervistat fuq Net Live, qajjem iktar dubji dwar l-arrest ta’ Yorgen Fenech.

Hu staqsa jekk hix minnha x-xnigħa li Yorgen Fenech telaq mill-Marina ta’ Portomaso mingħajr problema ta’ xejn, qabel ġie interċettat iktar ‘il barra.

Huwa saqsa kif jista’ jkun Yorgen Fenech tħalla kważi jaħrab minn Malta, kif tixhed b’mod ċar informazzjoni minn sistemi li jintraċċaw il-movimenti tal-opri tal-baħar.

Huwa qal li min issoltu jkun sorveljat ikollu l-pulizija wara daru, u mhux jitħalla jitlaq bil-yacht.

Huwa saqsa wkoll għaliex il-Kummissarju għadu ma ħabbarx konferenza stampa u għaliex qed inkunu nafu d-dettalji mill-Prim Ministru.

Il-jott ta’ Yorgen Fenech inqabad ‘l barra minn Pembroke f’dak li qed ikun ikkunsidrat bħala tentattiv ta’ ħarba minn Malta. Huwa kien ġie interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech, 17 Black, ilha fl-aħbarijiet għall-aħħar snin wara li sar magħruf li minn din il-kumpanija bbażata f’Dubaj kienu se jsiru trasferimenti ta’ miljuni ta’ ewro lejn żewġ kumpaniji fil-Panama, Tillgate u Hearnville, li huma ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Preżentament l-istess Fenech jinsab taħt arrest. Dan għaliex bit-tieni arrest tiegħu, skatta perjodu ieħor ta’ 48 siegħa li matulhom jista’ jinżamm arrestat u interrogat.