Lokali

Sekwestrati tliet showrooms b’rabta ma’ investigazzjoni tal-Pulizija

Tliet showrooms mimlija vetturi second hand u li jinsabu fi Triq il-Marina, f’Tal-Pietà, ġew sekwestrati mill-Pulizija. Dan hekk kif komplew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija relatati ma’ każi ta’ allegat ħasil ta’ flus.

L-istess investigazzjoni wasslet ukoll għall-arrest ta’ Melvin Theuma, li ġie arrestat il-ġimgħa li għaddiet bħala parti minn ħidma konġunta bejn l-Interpol u l-Pulizija ta’ Malta b’rabta ma’ allegat ċirku ta’ ħasil ta’ flus.

Sorsi ta’ Net News qrib l-investigazzjoni żvelaw magħna li l-Pulizija qed janalizzaw l-operat ta’ dawn ix-showrooms bħala parti mill-investigazzjonijiet.

Madankollu, skont sorsi tagħna, is-sidien tax-showrooms qed jiċdu kwalunkwe involviment ma’ Melvin Theuma u jisħqu li huma daħlu f’din l-investigazzjoni intortament. Dan issa jrid ikun ikonfermat matul l-investigazzjoni.

Dan mhux l-ewwel darba li fl-aħħar snin ssemma’ n-negozju ta’ Theuma b’rabta mal-karozzi importanti minn barra.

Filfatt f’każ fil-Qorti li beda fl-2003, hu kien akkużat b’użura kif ukoll li hedded lill-persuna li kien sellfu l-flus.

Jidher li kien waqt l-arrest tiegħu li żvela mal-Pulizija li jixtieq jitkellem ukoll dwar każi oħra, allegatament anke l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, bil-patt u l-kundizzjoni li jingħata l-maħfra presidenzjali.

Theuma, li għandu 41 sena, hu ħabib personali ta’ Yorgen Fenech, li ġie arrestat fl-aħħar jiem hekk kif allegatament kien qed jipprova jaħrab minn Malta abbord il-yacht privat tiegħu.Matul is-snin Theuma kellu diversi każi oħra quddiem il-Qorti. Fost dawn fl-2007 meta kien akkużat li għamel ħsara fuq vettura. Hu ċaħad l-akkużi u dan il-każ waqa’ fuq nuqqas ta’ provi.

Dan hekk kif komplew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija relatati ma’ każi ta’ allegat ħasil ta’ flus. Ix-showrooms filfatt huma rreġistrati mad-Dipartiment tat-Taxxa fuq isem Melvin Theuma.

Theuma ġie arrestat il-ġimgħa li għaddiet bħala parti minn ħidma konġunta bejn l-Interpol u l-Pulizija ta’ Malta b’rabta ma’ allegat ċirku ta’ ħasil ta’ flus.

Filfatt sorsi ta’ Net News qrib l-investigazzjoni żvelaw magħna li l-Pulizija qed iħarsu bir-reqqa lejn l-operat ta’ dawn ix-showrooms bħala parti mill-investigazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus.