Internazzjonali

Tajlandja: Iż-żjara tal-Papa tattira eluf ta’ Ċiniżi

Eluf ta’ Ċiniżi nġabru f’Bangkok bit-tama li jaraw il-Papa Franġisku li kien għaddej b’impenn apostoliku f’dan il-pajjiż, bħala l-ewwel Kap tal-Knisja Kattolika li żar it-Tajlandja fi kważi 40 sena ( wara l-mibki Papa Ġwanni Pawlu II, fl-1984).

Il-preżenza taċ-Ċiniżi fit-Tajlandja hi speċjalment sinifikanti għaliex ftit hemm tama li l-Papa jista’ iżur iċ-Ċina fil-futur qarib, b’mod partikulari minħabba r-relazzjonijiet diffiċli li jeżistu bejn Bejing u l-Vatikan. Dan ukoll meta l-Kattoliċiżmu hu fost ir-reliġjonijiet li huma ‘sanzjonati mill-Istat’ fiċ-Ċina.

Il-Papa ħeġġeġ biex il-membri, ‘kbar u żgħar’ tal-komunità żgħira tal-Kattoliċi Tajlandiżi jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom bil-ferħ, f’pajjiż fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Buddisti. Intant, eluf ta’ Tajlandiżi taw merħba kbira lill-Papa meta hu vvjaġġa lejn il-Parroċċa ta’ San Pietru, li hi komunità Kattolika barra Bangkok, fejn dam żmien jitlob fis-santwarju ddedikat lill-ewwel qassis Tajlandiż li kien miet martri.

Il-Papa, anki llum, iċċelebra quddies iddedikat liż-żgħażagħ fil-Katidral tal-Assunta, f’Bangkok, fejn ħeġġiġhom iħarsu lejn il-futur ‘b’konvinzjoni soda fil-fidi tagħhom’.

Ikkummenta