Il-Prim Ministru Joseph Muscat jeħtieġ jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu flok juri li qiegħed jerfa’ ta’ ħaddieħor.
“Il-Prim Ministru ta’ pajjiżna mhuwiex il-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Prim Ministru ta’ pajjiżna mhuwiex il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati. Il-Prim Ministru ta’ pajjiżna mhuwiex l-Avukat Ġenerali. Fl-aħħar ġranet u sigħat, b’dak li ġara, il-Prim Ministru tkellem daqslikieku qiegħed jagħmel tiegħu x-xogħol li qed issir minn dawn l-istituzzjonijiet. Mill-banda l-oħra, għażel li r-responsabbiltà diretta tiegħu, ċioe dik politika, ma jerfagħhiex.”

Saħaq dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta wassal din il-preokkupazzjoni b’fedeltà lejn il-Kostitutzzjoni lill-President tar-Repubblika, George Vella, hekk kif talab laqgħa urġenti miegħu fl-isfond tas-sitwazzjoni delikata li għaddej minnha pajjiżna, li nżammet kmieni waranofsinhar fil-Palazz ta’ San Anton. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ottjena wkoll parir legali mingħand espert Kostituzzjonali dwar din is-sitwazzjoni.
Fl-aħħar sigħat komplew l-iżviluppi, fost oħrajn b’Yorgen Fenech li nħeles mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet, u jerġa’ jiġi arrestat ftit tal-ħin wara.
“Jiena nappella lill-Prim Ministru ta’ pajjiżna li jżomm lil hinn minn dak kollu li ma jaqax fil-kompetenza tiegħu u minflok jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-poplu Malti biex iżomm il-kalma u l-prudenza f’dak li li jagħmel u jgħid f’dan iż-żmien tant delikat.
Adrian Delia lbieraħ ħalla l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Zagreb qabel mistenni biex ikun f’pajjiżna u jsegwi dak li qed iseħħ mill-qrib.
//= $special ?>