Internazzjonali

Trump: Taħt pressjoni minħabba allegata ‘teorija falza’ dwar l-Ukrajna

Eks-konsulenta mal-White House qed tgħid li l-President Amerikan, Donald Trump, kien injora lill-konsulenti ewlenin tiegħu biex jippromwovi ‘it-teorija falza u qarrieqa’ dwar l-indħil tal-Ukrajna fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Fiona Hill – li kienet l-ogħla esperta dwar ir-Russja mal-White House – qalet, waqt l-investigazzjoni li tista’ twassal għall-impeachment tal-President Amerikan, li Donald Trump, minflok, kien sama’ il-fehmiet tal-avukat personali tiegħu, Rudy Giuliani. Sadanittant, Hill fissret il-versjoni partikulari dwar l-Ukrajna bħala ‘storja mingħajr bażi fir-realtà’.

Fil-preżent, qed ikun investigat jekk Donald Trump żammx lura ‘dolożament’ l-għajnuna lill-Ukrajna bil-għan li jwettaq il-pressjoni fuq dan il-pajjiż biex jinvestiga rivali politiku tiegħu – f’dan il-każ Joe Biden, kandidati prominenti tal-Partit Demokratiku li qed jittama li jirbaħ id-dritt biex jikkuntesta (kontra t-Trump) għall-White House, għan-nom ta’ dan il-partit.

Fl-Istati Uniti hu illegali li mexxej jew kandidat politiku jfittex l-għajnuna minn barra għal gwadann elettorali. Intant, DonaldTrump qed jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina.

Skont it-teorija diskreditata, kienu l-Ukrajni jew l-individwi b’konnessjonijiet mal-Ukreni, ‘aktar milli r-Russja’ li kienu ndaħlu fil-vot tal-2016 fl-Istati Uniti. Intant, Donald Trump, waqt telefonata lill-President Ukren, Volodymyr Zelensky, kien ħeġġeġ biex Zelensky jindaga dwar l-allegazzjonijiet fir-rigward ta’ Biden filwaqt li jiftaħ investigazzjoni dwar dan il-kandidat Demokratiku.

Waqt li l-House Intelligence Committee ( f’Washington) ikkonkluda l-aħħar jum tas-smigħ pubbliċi dwar il-każ, Adam Schiff,  bħala ċ-Chairman tal-Kumitat, qal li l-kondotta ta’ Trump ‘kienet ħafna aktar serja minn kwalunkwe ħaġa li kien għamel l-eks President Amerikan Richard Nixon’, li, fis-snin sebgħin, kellu jirriżenja wara l-iskandlu ta’ Watergate.

Sadanittant, Fiona Hill akkużat lil membri oħra tal-Partit Repubblikan ta’ Trump talli huma ‘żergħu d-dubju dwar l-indħil tar-Russja fl-elezzjonijiet tal-2016’. Hi anki ħeġġet biex id-deputati Amerikani ma jiċċirkulawx l-informazzjoni falza għal skopijiet politiċi u li kapaċi tixħet dubji fuq l-indħil tar-Russja fl-elezzjonijiet tal-Istati Uniti.