Lokali

Yorgen Fenech imfittex ukoll mill-Pulizija Taljana b’rabta ma’ xiri tal-logħob fis-Serie A

Sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech, huwa magħruf mal-awtoritajiet Taljani.

Dan skont il-ġurnal La Sicilia, hekk kif spjegaw li kien imfittex mid-‘Divisione anticrimine’ ta’ Catania kif ukoll l-iSquadra Mobile b’rabta ma’ xiri tal-logħob fis-Serie A, Sere B u Sere C.

Fl-investigazzjoni magħrufa aħjar bħala ‘Treni del gol’ kien hemm ukoll involut l-eks President tal-klabb tal-futbol ta’ Catania, Nino Pulvirenti, flimkien ma uffiċjali oħra – fejn saħansitra ttieħdu passi kriminali kontrihom.

Fl-ewwel stadju tal-investigazzjoni, La Sicilia rrapportat li kellhom jiġbru wkoll lil Yorgen Fenech, ħaġa li ma saritx minnħabba l-fatt li ma setgħux isibuh. Għaldaqstant il-ġurnal Taljan spjega li issa l-awtoritajiet Taljani ser ikunu jridu jinterrogaw lil Fenech b’rabta ma’ din l-investigazzjoni.

Dan kollu hekk kif il-prosekuturi Taljani jemmnu li Yorgen Fenech irranġa u lagħab fuq numru ta’ partiti mis-Serie A lura fit-18 ta’ Mejju 2014. Dawn huma; Catania v Atalanta, Parma v Livorno, Napoli v Verona u Udinese v Sampdoria.

Dan filwaqt li sussegwentament fit-tmiem il-ġimgħa ta’ wara Yorgen Fenech allegatament kien involut f’xiri ta’ tlett partiti oħra f’diviżjonijiet inferjuri.

B’rabta ma’ dan il-każ kien hemm involuti wkoll persuni affiljati mal-mafia Catanese.