Lokali

Evarist Bartolo ipoġġi lill-Prim Ministru dahru mal-ħajt

Għal darb’oħra, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo qiegħed ipoġġi lill-Prim Ministru Joseph Muscat dahru mal-ħajt.

Fi status li tefa’ fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, il-Ministru qal li “biex ninqalgħu minn fejn ninsabu u nibdew paġna ġdida, hemm bżonn isiru magħrufa l-fatti kollha u r-responsabbiltajiet ta’ dawk kollha mdaħħla fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex issir ġustizzja, bla biża’ jew favuri.”

Evarist Bartolo qal dan ftit wara li l-gazzetta The Malta Indipendent permezz tas-sit tagħha qalet li l-Pulizija qed jikkunsidraw jilħqu plea bargaining deal ma’ Yorgen Fenech sabiex jammetti.

Dan ifisser li hemm il-possibilità li jintlaħaq ftehim miegħu bil-għan li jiżvela informazzjoni biċ-ċans li jkollu sentenza mnaqqsa – aħbar li ħarġet qabel ma kien hemm l-iżviluppi tas-Sibt rigward il-Maħfra Presidenzjali.

Evarist Bartolo hu l-istess Ministru li meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, kien stqarr b’mod car illi dan il-kaz juri b’mod car li hemm Ligi ghall-allat u Ligi ghall-annimali.

In-negozjant Yorgen Fenech, li kien direttur tal-konsorzju Electrogas, ġie miżmum mill-Pulizija l-Erbgħa filgħodu hekk kif kien ser iħalli Malta abbord il-yacht tiegħu.