Lokali

Gvern f’paniku u mbeżża’ mill-verità; ma jridx dibattitu Parlamentari

L-Ispeaker jikkonferma li l-Gvern mhux jaqbel li ssir seduta urġenti


B’referenza għall-istqarrija tal-Gvern fejn wera biċ-ċar li mhux jara l-urġenza li jitlaqqa’ l-Parlament, l-Oppożizzjoni tinnota l-istat ta’ paniku u biża’ mill-verità li jinsab fiha l-Gvern. Nhar il-Erbgħa l-Oppożizzjoni talbet lill-Prim Ministru jgħid lill-Parlament hux se jkeċċi lill-Ministru u Chief of Staff tiegħu wara l-arrest tas-sid ta’ 17 Black. Il-Prim Ministru dakinhar irrifjuta li jerfa’ r-responsabbiltà politika.

Waqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha b’konnessjoni mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, llum hemm zviluppi ġodda inkluż li Ministru ewlieni tal-Gvern u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista ntalab imur id-Depot biex iwiegeb mistoqsijiet tal-Pulizija. Dan jikkonferma t-talba tal-Oppożizzjoni li jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia jikkonferma li l-Gvern mhux jaqbel li jitlaqqa’ l-Parlament b’mod urġenti.