Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jitlob li l-Parlament jiltaqa’ b’urġenza

Mill-arkivji

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista llum iltaqa’ b’urġenza fuq talba tal-Kap tal-partit Adrian Delia biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Grupp Parlamentari qed jesiġi li:  

  • L-arrest ta’ Yorgen Fenech, il-persuna li nqabdet ixxaħħam liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lil Ministru Konrad Mizzi huwa minnufih biżżejjed biex il-Prim Ministru Joseph Muscat jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirriżenja. 
  • L-investigazzjonijiet li għaddejjin għandhom ikunu ħielsa minn kull forma ta’ inkwinament. Dan ir-riskju jeżisti minħabba li persuni, nkluż il-Prim Ministru nnifsu, li huma nvoluti fl-iżvolġiment ta’ dawn l-investigazzjonijiet jistgħu jkunu huma jew nies qrib tagħhom persuni ta’ interess fl-istess investigazzjonijiet. 
  • Il-Prim Ministru Joseph Muscat tilef kull awtorità morali biex imexxi lill-pajjiżna, ilu għal snin twal jaħrab mir-responsabbiltajiet politiċi imma issa ma’ kull minuta li tgħaddi Joseph Muscat mhux qed jibqgħalu iżjed fejn jaħrab. 
  • Pajjiżna qed ibati l-konsegwenza ta’ imġieba korrotta u kriminali ta’ nies viċin il-Prim Ministru, nies li l-Prim Ministru baqa’ jipproteġi sal-ġurnata tal-lum. 
  • Pajjiżna bħalissa għandu kriżi Kostituzzjonali u istituzzjonali kbira, bla preċedent fl-istorja ta’ Malta, li ġejja mill-fatt li l-ogħla uffiċjali tal-Gvern, li suppost li qegħdin hemm biex iħarsu l-liġi, mhux talli naqsu milli jagħmlu dan talli saħansitra qegħdin jew għandhom jiġu investigati dwar allegazzjonijiet serji ta’ ksur tal-liġi. 

Il-Grupp Parlamentari jesiġi li f’dan il-mument delikat kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà fl-interess ta’ Malta, u tal-Maltin u l-Għawdxin. Fiċ-ċirkostanzi li qed jiżviluppaw, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia bl-appoġġ tal-Grupp Parlamentari talab li l-Parlament għandu jiltaqa b’urġenza llum biex jiddiskuti din is-sitwazzjoni li hija materja definita ta’ importanza pubblika urġenti.