Ewropa Internazzjonali Lokali Qtil Politiku Unjoni Ewropea

Il-Prim Ministru jeħtieġ jiddistakka ruħu mill-investigazzjonijiet

Ritratt: House Representatives of the Netherlands
Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa imħasseb dwar l-influwenza li Muscat potenzjalment għandu fuq is-sistemà ġudizzjarja Maltija

Id-deputat Olandiż, Peter Omtzigt, li huwa r-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Malta ukoll, esiġa lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jiddistakka ruħu mill-invesitgazzjonijiet b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

Dan minħabba l-kunflitt potenzjal ta’ interess qawwi li għandu u minħabba li l-Prim Ministru potenzjalment għandu influwenza enormi fuq is-sistema ġudizzjarja kriminali.

Omtizgt għadda dawn il-kummenti permezz ta’ tweet fuq Twitter, u li saħansitra ġew irrappurtati mill-ġurnal Ingliż, The Guardian. Huwa kien qiegħed jirreferi għall-mod kif il-Prim Ministru qiegħed jikkontrolla l-informazzjoni kollha mogħtija lill-midja u jaġixxi ta’ kelliem tal-Korp tal-Pulizija, fin-nuqqas tal-Kummissarju tal-Pulizija li ma jidher imkien.

Fl-istess tweet, Omtzigt staqsa bosta mistoqsijiet dwar l-influwenza tal-Prim Ministru andament tal-investigazzjonijiet, ċioè, jekk qiegħedx immexxi l-investigazzjonijiet u jekk hux hu li se jiddetermina jekk l-evidenza tal-middleman jistħoqqiliex il-Maħfra Presidenzjali.

Intant, l-istqarrija ta’ Omtzigt tingħaqad ma’ dik tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, li ddikjarat li tinsab “diżappuntata” għall-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed ipoġġi lilu nnifsu fiċ-ċentru tal-investigazzjoni dwar il-qtil tagħha.

Fi stqarrija huma appellaw lil Muscat biex jitbiegħed mill-investigazzjoni minħabba r-rabtiet ta’ Yorgen Fenech mac-chief of staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi. Fin-nuqqas ta’ dan, huma lesti li jieħdu l-mezzi kollha legali disponibbli sabiex jiżguraw l-investigazzjoni hija indipendenti u imparzjali.