Lokali

L-ingaġġ tal-backbenchers mal-gvern

Il-Kummissarju għall-Istandards, George Hyzler, esprima nuqqas ta’ qbil mas-Segretarju Permanenti Ewlieni li f’konferenza tal-aħbarijiet kien iddikjara li ma jaqbilx lil-ingaġġ mal-gvern ta’ deputati backbenchers huwa fundamentalment ħażin.

Li backbenchers m’għandhomx jaħdmu wkoll mal-Gvern kien ħareġ minn rapport li l-Kummissarju għall-Istandards ħareġ f’Lulju li għadda.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni madankollu kien iddikjara li l-kunċett ta’ separazzjoni tas-setgħat ma tantx japplika għal Malta u allura m’hemm ebda raġuni għalfejn id-deputati parlamentari backbenchers m’għandhomx jaqdu l-funzjonijiet tagħhom fil-Parlament u jaqdu l-gvern fl-istess ħin.

Iżda l-Kummissarju tal-Istandards qal li dan hu kunċett żbaljat għax L-indipendenza tal-Parlament mill-gvern huwa prinċipju importanti ħafna u kull gvern huwa kontabbli lejn il-Parlament u l- Parlament għandu jżomm il-gvern taħt skrutinju.

Jiddikjara wkoll li jeżisti konflitt ta’ interess ovvju waqt li jenfasizza li għandu jkun hemm kontrolli u bilanċi.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni jinsisti wkoll li l-gvern mhux qed jikser il-Kostituzzjoni meta jimpjega nies bil-fiduċja. Jgħid li dan hu argument żbaljat għax is-Segretarju Permanenti jikkwota artikoli tal-Kostituzzjoni li mhux validi f’dan il-każ.

Fost oħrajn is-Segretarju Permanenti Ewlieni jgħid li l-persuni ta’ fiduċja mhumiex uffiċjali pubbliċi għax il-ħatra tagħhom ma tgħaddix mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dan hu bil-maqlub ta’ li tgħid il-Kostituzzjoni.

Dan waqt li jqabbel il-membri tal-bordijiet tat-tmexxija ta’ entitajiet pubbliċi ma’ uffiċjali pubbliċi li huma lecturers fl-Università. Il-Kostituzzjoni stess tippermetti li dawn tal-aħħar jidħlu fil-politika.

Il-Kummissarju Hyzler  jinnota li s-Segretarju Permanenti Ewlieni stess donnu qed jaċċetta li deputati m’għandhomx jinħatru fuq il-bordijiet ta’ entitajiet li mhumiex “operazzjonali”, għalkemm mhux ċar x’qed ifisser b’dil-kelma. Fid-dawl ta’ dan tenna li l-ingaġġ tal-backbenchers mal-gvern hija waħda mill-prattiċi li għandha tinqata’.