Lokali

L-Ispeaker Anġlu Farrugia jasal fil-Parlament

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, mumenti ilu deher dieħel fil-Parlament hekk kif mistennija tittieħed deċiżjoni dwar talba li l-Parlament jitlaqqa’ b’urġenza.

Din l-aħbar, żvelata b’mod dirett minn Net Live waqt xandira diretta speċjali li għaddejja bħalissa, hi kkonfermata minn ritratt esklussiv fil-pussess ta’ Net News.

Li l-Ispeaker tal-Kamra jkun fil-Parlament nhar ta’ Sibt filgħaxija mhix xi ħaġa normali u din il-mossa tasal wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia bl-appoġġ tal-Grupp Parlamentari talab li l-Parlament jiltaqa’ b’urġenza.

Iżda fi stqarrija b’attakk partiġġjan maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Gvern Laburista wera biċ-ċar li mhux jara l-urġenza li jitlaqqa’ l-Parlament quddiem dawn iċ-ċirkostanzi serji li qed jaffaċċja l-pajjiż.

B’hekk il-Gvern Laburista, immexxi minn Joseph Muscat, mill-ġdid qed jaħrab milli jaffaċċja din is-sitwazzjoni.

U b’risposta għal dan, l-Oppożizzjoni nnotat l-istat ta’ paniku u biża’ mill-verità li jinsab fiha l-Gvern waqt li jirrifjuta li jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza.

Dan minkejja l-iżviluppi ġodda, inkluż li Ministru ewlieni tal-Gvern u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista ntalab imur id-Depot biex iwieġeb mistoqsijiet tal-Pulizija.