Lokali

Meta l-Gvern jnaqqar u jhedded d-demokrazija jsir illeġġittimu – Adrian Delia

Ritratt: Martin Agius

“Meta d-demokrazija titnaqqar u tiġi mhedda, r-rieda tal-poplu li jeleġġu lil min jirrappreżentahom ma tiġix iżjed rispettata u minflok ikollok Gvern li jsir illeġittimu. Il-Prim Ministru minflok iħalli lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jagħmlu xogħolhom qed jibqa’ jxeklilhom il-libertà ta’ ħidmithom.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia qal li l-Prim Ministru qed jitkellem għall-Kummissarju tal-Pulizija, għall-Avukat Ġenerali u għall-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, daqslikieku qed jagħmel tiegħu x-xogħol li qed isir minn dawn l-istituzzjonijiet. Mill-banda l-oħra, r-responsabbiltà tiegħu li hija dik politika, l-Prim Ministru qed jibqa’ jagħżel li ma jerfagħhiex. Joseph Muscat għandu r-responsabbiltà politika u għandu jerfa’ din ir-responsabbiltà u mhux jibqa’ jiddefendi l-eqreb nies tiegħu, ċ-Chief of Staff Keith Schembri u l-Ministru ewlieni Konrad Mizzi meta dawn jinsabu implikati fl-ikbar każijiet ta’ korruzzjoni fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa qal li Joseph Muscat fil-passat ħa deċiżjoni fil-konfront ta’ membri oħrajn fil-Kabinett iżda mhux qed jieħu fil-konfront ta’ Keith Schembri, u staqsa min qed jikkmanda jekk hux Joseph Muscat jew inkella Keith Schembri. Din sitwazzjoni fejn il-Prim Ministru huwa ostaġġ tal-kriminalità u allura l-pożizzjoni tiegħu mhix tenibbli.

Adrian Delia qal li mar għand il-President ta’ Malta fl-irwol tiegħu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni biex jurih it-tħassib serju tiegħu dwar dawn l-irwol li jrid ikopri u jassumi l-Prim Ministru, u dan fi żmien diffiċli għal pajjiżna u f’mument delikat fl-investigazzjonijiet dwar dawk kollha involuti, kompliċi jew responsabbli direttament jew indirettament fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li llum għandna sitwazzjoni fejn il-Gvern Laburista qed juża s-saħħa elettorali li akkwista biex jgħaddi romblu minn fuq in-nies u għalhekk li n-nies mas-soċjetà ċivili qegħdin jinżlu fit-toroq, għax iridu li jsiru jafu l-verità kollha u li ssir il-ġustizzja bla ebda indħil.

Il-Kap tal-PN qal li meta l-Prim Ministru qed jibqa’ jkaxkar saqajh milli jassumi r-responsabbiltà politika li hi tiegħu, mhux qed iħares l-interess nazzjonali u minflok r-reputazzjoni ta’ pajjiżna qed tibqa’ titmermer. Każijiet li jiġu żvelati fil-midja u xorta waħda ma jaslux ir-riżenji. Adrian Delia qal li d-deċiżjoni tal-Qorti li tordna inkjesta maġisterjali dwar wieħed mill-partners ta’ ditta legali li nqabdet tiftaħar bir-rabtiet u influwenza fuq il-Prim Ministru u l-Ministri, hija konferma oħra kemm l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti qed tagħmel ħsara lil pajjiżna. Għalhekk fl-interess nazzjonali, l-bejgħ tal-passaporti għandu jieqaf minnufih biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna ma tibqax tiġġarraf.

Ritratt: Martin Agius