Futbol Sport

Mourinho ċ-ċentru tal-attenzjoni hekk kif se jiddebutta fid-derby kontra West Ham

Manchester City kontra Chelsea hija l-partita ewlenija fil-kampjonat Premier wara li dan jirritorna wara l-waqfa minħabba l-partiti ta’ kwalifikazzjoni Ewropej tat-tims nazzjonali. Madankollu l-attenzjoni żgur li se tkun iffukata l-aktar fuq Jose Mourinho li ħa post Mauricio Pochettino li tkeċċa aktar kmieni din il-ġimgħa.

Il-Maniġer ġdid ta’ Tottenham għandu diversi problemi fl-ewwel ħarġa tiegħu meta fil-London Stadium it-tim tiegħu jiffaċċa lill-West Ham. Il-Maniġer Portugiż wiret mingħand Pochettino tim mimli talent iżda bi skwadra li mhux qed tiffunzjona kif suppost, fejn Tottenham ilhom ħames partiti mingħajr rebħa fil-Premier League.

Mourinho se jkunu għal darba oħra mingħajr il-gowlkiper Hugo Lloris, Erik Lamela, Michel Vorm, Jan Vertonghen u Tanguy Ndombele, li kollha jinsabu mweġġa’, anke jekk l-aħħar tnejn se jsir test mediku fuqhom qabel il-partita.

Il-Maniġer ta’ 56 sena jrid jiddeċiedi wkoll x’se jagħmel bi plejers Toby Alderweireld u Christian Eriksen li jridu jħallu l-klabb u li l-kuntratt ma’ Spurs se jagħlaq dalwaqt li huma mistennija jitilqu fl-aħħar tal-istaġun. Mourinho għandu wkoll ġuħ ta’ ras fuq Dele Alli, bl-internazzjonali Ngliż nieqes mis-solità forma, anke jekk iż-żagħżugħ ta’ 23 sena, skorja kontra Watford fl-aħħar ġimgħat.

Ali u Son Heung-min huwa mistennija li jibdew il-partita biex ikunu ta’ spalla għal Harry Kane kontra l-Hammers, flimkien ma’ Eriksen li tħalla bħala sostitut kontra Sheffield United u lanqas biss daħal bħala sostitut. Harry Winks mistenni wkoll jirritorna għal Spurs.

Manchester City li għadhom kemm ġejjin minn telfa kontra Liverpool u riżultat ta’ dan waqgħu fir-raba post jilqgħu lil Chelsea li jinsabu punt fuqhom fit-tielet post fil-partita tal-weekend. It-tim ta’ Pep Guardiola ma jistax ikompli jitlef il-punti jekk irid li jibqa’ biċ-ċans li jirbaħ it-tielet kampjonat infila.

Wara erba’ rebħiet infila City ġew draw barra minn darhom kontra Atalanta fiċ-Champions League u wara t-telfa ma’ Liverpool. Bħalhom Chelsea mill-aħħar sitt partiti rebħu erba’, ġew draw waħda u tilfu waħda kontra Manchester United f’darhom fil-Carabao Cup.

Liverpool li jinsabu tmien punti fuq Leicester u Chelsea f’ras il-klassifika imorru Selhurst Park ifittxu rebħa oħra li saret in-norma. Fil-fatt it-tim ta’ Jurgen Klopp rebaħ lil kulħadd fil-kampjonat ħlief lil Manchester United f’Old Trafford, partita li spiċċat fi draw ta’ 1-1.

Palace ilhom erba’ partiti bla rebħa u jekk iridu jiksbu t-tliet punti jridu jżommu l-ballun aktar u mhux ikunu wisq erratiċi. Luka Milivojević fil-midfield mistennija jkun iċ-ċavetta tat-tim tiiegħu. Meta s-Serb ikun fil-forma, l-Palace jilgħabu tajjeb, jekk le, allura m’għandhiex tkun diffiċli għaċ-Champions Ewropej.

Manchester United jilgħabu barra minn darhom il-Ħadd kontra t-tim promoss u fil-forma ta’ Sheffield United li jinsabu fil-ħames post. Wara t-telfa ma’ Bournemouth, ir-Red Devils kisbu żewġ rebħiet fl-Europa League kontra Partizan Belgrade (3-0) u kontra Brighton fil-kampjonat.

Plejer li qed jikber fil-forma bħalissa huwa l-internazzjonali Ngliż Marcus Rashford. Jekk dan ikun fil-forma allura l-United għandhom ċans jieħdu xi ħaġa mill-partita.

Fil-partiti l-oħra Arsenal jippruvaw jirritornaw għar-rebħ meta jilqgħu f’darhom lil Southamption, Bournemouth jibdew favoriti li jirbħu meta f’darhom jilgħabu kontra Wolves filwaqt li t-tim fil-forma Leicester City imorru Brighton. Everton f’darhom m’għandhomx ifallu kontra Norwich u Watford u Burnley hija partita li faċilment tista’ tispiċċa fi draw.