Lokali

X’ġara llum s’issa …

CHRIS CARDONA

Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona fl-aħħar sigħat issejjaħ fid-Depot tal-Pulizija fil-Furjana fejn kien interrogat mill-Pulizija.

Fil-fatt appena ħarġet din l-aħbar minnufih wieħed seta’ jinnota preżenza kbira ta’ ġurnalisti u cameras quddiem id-Depot biex isegwu dawn l-aħħar żviluppi.

Numru ta’ siti tal-aħbarijiet qed jindikaw li fost l-oħrajn, sarulu mistoqsijiet dwar l-iskandlu ta’ Acapulco.

Dan apparti ir-rabtiet li l-istess Ministru għandu mal-familja tas-sid ta’ 17 Black, li bħalissa jinsab arresstat,  Yorgen Fenech… filfatt l-istess Ministru kien kera appartament f’Portomaso.

L-istorja ta’ din il-kirja kienet ġiet żvelata fl-2015 mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, b’allegazzjonijiet serji li hu kien ingħata dan l-appartament mingħajr ma ħallas ċenteżmu.

L-uffiċju tal-Ministru Cardona, permezz ta’ stqarrija kkonferma li “bħala parti mill-investigazzjoni li qed tagħmel il-pulizija, il-Ministru Chris Cardona ntalab jiċċara xi affarijiet relatati wkoll ma’ spekulazzjonijiet li saru fuqu fil-passat.”

YORGEN FENECH

Sorsi qed jirrappurtaw illi fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru irċieva t-talba formali biex jagħti maħfra Presidenzjali lin-negozjant sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech… li qed jinżamm taħt arrest allegatament b’konnesjoni mal-ordni għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiza.

Dawn is-sorsi saħansitra tkellmu mal-kamra tal-aħbarijiet tal-BBC… bl-aħbar imbgħad tiġri madwar id-dinja kollha.

Fenech kien arrestat l-Erbgħa filgħodu waqt li allegatament kien qed jipprova jaħrab mill-pajjiż bil-jott privat tiegħu.

Fl-aħħar ħinijiet Net News irrapporta li kien ġurnalist li avża lill-Pulizija b’dak li kien qed jipprova jagħmel Yorgen Fenech, u kien biss f’dan il-ħin li l-awtoritajiet intervjenew.

Intant, matul il-ġurnata tas-Sibt, f’dik li hija it-tieni ġurnata minn meta Fenech reġa’ ġie arrestat għat-tieni darba f’temp ta’ erbat ‘ijiem is-sit Newsbook irrapporta li ddaħħal l-isptar għaliex kien qed iħoss xi uġigħ f’qalbu.

Fil-fatt f’Mater Dei ġiet innutata preżenza kbira ta’ Pulizija u sigurta’ tul il-perimetru tal-isptar u sorsi li tkellmu magħna kkonfermaw li l-allegat moħħ wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia kien qed jinżamm fil-Cardiac Intensive Care Unit… inċidentalment, l-istess unit li fiha kien Melvin Theuma fil-ġurnata tal-Ġimgħa.

MELVIN THEUMA

Intant, Melvin Theuma, ir-raġel li huwa maħsub li aġixxa bħala “il-middleman” fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ġie rrilaxxat mil-isptar wara li ddaħħal fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei l-Ġimgħa filgħodu.

Huwa talab li jittieħed l-istpar għall-osservazzjoni hekk kif ma setax jitkellem kawża tal-kundizzjoni medika li aktarx hu rizultat ta’ tensjoni qawwija u aġitazzjoni li beda jsofri minnhom fl-aħħar sigħat, hekk kif kien qed jiġi investigat.

Theuma talab għall-Maħfra Presidenzjali għax qal li jaf min hu l-moħħ wara dan il-każ… Madankollu, ilbieraħ il-Prim Ministru qal li s’issa Theuma għadu ma tax dettalji biżżejjed biex jimmeritaha.

GRUPP PARLAMENTARI PN

“Dawn li qed ngħixu bħalissa huma żviluppi inkwetanti.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia permezz ta’ messaġġ fuq Twitter, fejn ħabbar li kien se jlaqqa’ mill-ġdid b’mod urġenti lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Intant, filwaqt li l-oppożizzjoni qed tara l-iżviluppi f’Malta bħala kruċjali u ta’ importanza assoluta għall-pajjiżna, bil-Grupp tal-Partit Nazzjonalista jiltaqa’ għat-tieni darba b’urġenza fl-aħħar jiem… il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista ser ikun qed jitlaqqa’ għall-ewwel darba sa minn meta bdew isiru l-arresti, it-Tnejn li ġej.